LEJN  MARIJA  MTELLGĦA   S-SEMA -
Riċerka u poeżija ta' Mario Gatt; adattament liriku - Marisa Abela; mużika - Tony Pace     (Listen to the Music)

This Oratorio was commissioned by Gudja Parish Community as part of the festivities commemorating 200th anniversary of Vincenzo Dimech's titular statue of the Assumption. The Oratorio will be held at Gudja Parish Church on Wednesday 31st October 2007.

N.B. Links will help you understand the historical background of the Oratorio more.

    Lyrics (versi) Historical Background (sfond storiku)
1:  PREISTORJA U PERJODU KLASSIKU
1 GUDJAN (Baritone)

Li nkun ’il bogħod mill-hemm fittixt
U sibt din l-art li tant ħabbejt
Biex iħarsuni mit-tiġrib
Lill-allat kbar imqades bnejt.

Il-Gżira tibda titgħammar: Raġel Gudjan: isemmi t-tempji megalitiċi li uħud minnhom jinsabu fil-konfini ta’ Birmiftuħ (Borġ-in-Nadur Birżebbuġa, Tempji Neolitiċi f’Ħal Tarxien, l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, Tempji oħra f’Kordin eċċ).

2  

Għajnejhom tefgħu fuqi l-ġnus
Għax bħali sabu hawn il-kenn,
Xtaqt fhimt b'sinjali jew bil-ħżuż
Għax fittxew din l-art li tħenn.

Ikompli jsemmi dwar nazzjonijiet oħra li ġew fil-gżira, bħal ma’ huma il-Feniċi, il-Kartaġiniżi, u r-Rumani.
3  

F'nofs baħar iżraq qalbi tfajt
Fuq gżira trodd għasel u sliem
Bejn l-artijiet il-kbar ninsab
Intbaħt minn tagħhom il-għeliem.

Ir-raġel Gudjan ikompli jgħid li Malta magħrufa għall-għasel u s-sliem, u li n-nazzjonijiet li ħakmu l-gżira kienu ġejjin minn artijiet kbar oħra, u Malta tinsab bejniethom (l-Ewropa u l-Afrika).
4 GUDJANI (Coro)

X'uħud urew id tal-ħadid
Bla jedd l-art riedu jakkwistaw
U għalkemm xi ftit wens tawna
Bis-saħħa lilna ikkmandaw.

Billi l-gżejjer Maltin kienu minn żmien għal ieħor ikunu maħkuma minn nazzjonijiet gwerriera, il-ħakma taċ-ċittadin mill-barrani kienet tittaffa xi ftit, għax fl-istess waqt iċ-ċittadin kien ikollu l-wens u l-ħarsien minn invażuri oħra.

5 GUDJANI (Coro)

Imma darba l-ħalel tefgħu
Raġel ħabsi fuq il-bajja
Dan dwar Alla kien aħbaru
Kliemu baqa' jiġri wrajna.

Il-miġja ta’ San Pawl f’Malta fis-sena 60 w.K., li biddlet it-twemmin ta’ poplu, u xandret mad-dinja kollha kemm hu twajjeb u dħuli l-poplu ta’ dawn il-gżejjer. {aqra iktar}
6 GUDJAN (Baritone)

F'Ħal Risqun mort hemm qabar ħaffirt
Biex fih nidfen lil qrabati
Madwar mejda nagħmel jien ikliet
Sabiex qima lilhom nagħti.

Il-katakombi Ruman nisrani li hemm f’Ħal Resqun – wieħed mill-irħula żgħar ta’ Birmiftuħ li llum intilfu għal kollox. Biex juri li fih hemm il-mejda tal-agapè  isemmi l-aħħar ikla ad unur ta’ qrabatu.
7  

Il-fidi f’Alla majnat sew
Meta l-mislem sidi sar
Id-din nisrani mdgħajjef ġie
Il-fidi taqħna jifred mar.

l-Għarab ħadu l-Gżejjer Maltin taħt idejhom fis-sena 870 w.K. Il-Fidi Nisranija tieħu daqqa ta' ħarta. {aqra iktar}
8 GUDJANI (Coro)

Rajna ġens ta' ħila w'qħaqal kbir,
Qassam arti bil-laqmijiet
U lsieni ma' tiegħu għaqqad
Din għamarti Gudja ssemmiet.

Kien fi Żmien il-Ħakma Għarbija li l-Gudja ħadet isimha.
9 Chorus

Raħal ċkejken ta' mitejn ruħ
Li ma' rħula oħra rabtuh
Xi elf ruħ flimkien ingħaqdu
Hekk twieled, nibet Bir Miftuħ.

GUDJA ISSEMMIET!
TWIELED BIR MIFTUĦ!

Il-parti ċentrali tan-naħa t’isfel ta’ Malta fejn illum hemm Ħal Kirkop, Ħal Safi, l-Imqabba, Ħal-Luqa, Ħal Farruġ, Ħal Tarxien bil-Fgura u Raħal Ġdid u Santa Luċija, il-Gudja u Birżebbuġa bdew jissejħu Bir Miftuħ.  {aqra iktar}
2: IL-KONTI  RUĠĠIERU
10 GUDJANI (Coro)

Ġie Renju f’isem l-Imsallab

Qumu dlonk, ejjew fl-imsieraħ

Mingħajr biża' uru dinkom

Ma' qawwet il-mislem fieragħ.

Fis-sena 1091 w.K. il-Konti Ruġġieru rebaħ lill-Għarab li kienu f'Malta; Ruġġieru ħalla lill-Għarab jgħixu hawn imma beda l-proċess tal-Latinizzazzjoni tal-Gżejjer Maltin.

11  

Nibnu knejjes biex lil Alla
Qima nagħtu lkoll flimkien
Sabiex hekk tagħlimu nwettqu
Mingħajr xkiel u fil-ħelsien.

Bdew jinbnew knejjes f’inħawi diversi tal-gżira, fosthom il-katidral ta’ l-Mdina. Fost dawk li nbnew xi ftit aktar tard insibu il-Lunzjata ta’ Ħal Millieri, Santa Marija tax-Xahar t’Awwissu ta’ Birmiftuħ, u San Girgor fiż-Żejtun.
3: IL-FEWDALIZMU
12 SOPRANO & ALTO

Is-sidien ta' din l-art nobbli
Ħafna wegħdi taw għalxejn
Ġew biex jiġbru ċ-ċnus u l-kera
Minn fuq daharna jifdu d-dejn.

Il-Fewdalizmu: Nisa mir-raħal jirrakkuntaw dwar il-wegħdi fiergħa li kienu jagħmlu r-renjanti lil missirijietna, u wara ftit taż-żmien jerġa’ jitfaċċa xi ħakkiem ġdid. Dawn kienu jfittxu li jiġbru dak li jkunu ħarġu biex akkwistaw il-gżejjer, u aktar minn hekk. Spiss il-poplu kien jispiċċa maħqur u mkasbar biex iħallas it-taxxi. Meta l-Maltin qamu kontra dawn il-ħakkiema, għarralhom għax waqqfulhom l-importazjoni tal-qamħ li kien ġej minn artijiet li l-istess renjanti kellhom poter fuqhom.

13  

Mifnija u mingħajr saħħa,
Żewġi wliedi imġewħin
M'għandix qamħ biex inrejjaqhom
Ħaqq ma nsibx mal-Fewdalin.

 
14  

Ta' spiss jigu il-furbani
Ħerba jħallu dal-kefrin
Jieħdu lsiera lill-felħana
Sawt jaraw mlll-argużin.

Iżjed u iżjed meta dawk kienu żminijiet li l-furbani spiss kienu jagħmlu ħerba mill-ftit tal-ġid li l-Maltin kien jirnexxilhom jakkwistaw. Ħafna wkoll kienu jsibu ruħhom fis-swieq ta’ l-ilsiera fil-Barbarija.

4: IL-ĦAKEM U D-DEJMA
15 CORO

Is-sid jordna, jobdi l-ħakem
U snin kbar reġqħu għaddew
Ħafna biki, ferħ mill-anqas
Dawk is-snin kienu raddew.

Il-Ħakem jew Kaptan tal-Virga ma kienx ikollu triq oħra għajr dik li jordnaw is-sidien tal-gżejjer.
16 GUDJAN (Baritone)

Suldat nidħol, għassa d-dejma
Jew swar nibni b'ġebel tqal
Biex ninħeles ċoqqa nilbes
Biedja biss għan-nisa w tfal.

Biex il-poplu jkun imħares minn inżul tal-furbani fi xtutna, kien hawn id-Dejma. L-irġiel kollha kellhom jagħtu sehem f’dan il-ħarsien tal-gżejjer. Biex wieħed jeħles minn dan l-irbit ried ikun qassis jew kjeriku jew jagħti xogħol bla ħlas fil-bini u tiswijiet tas-swar.
17  

F'Birmiftuħ, f’misraħ il-knisja
Immur għat-taħriġ il-Ħadd
Hemm mar-riħ ħafif iperper
Juri barri l-istandard.

Is-suldati tad-Dejma kienu regolarment nhar ta’ Ħadd jagħmlu t-taħriġ. It-taħriġ kien jitmexxa mill-kaptan . Kull riġment kellu l-istendard tiegħu. It-taħriġ kien isir f’misraħ il-knisja parrokkjali.
18 CORO

Fil-qaddisin biss fdat in-nies
ll-biza' kattar it-twemmin
Tant li knisja issib għandek
Għall-idwar ta' kull għoxrin.

Il-maġġoranza tal-knejjes kienu maħturin lill-qaddisin orjentali.  Fis-seklu XV f’Birmiftuħ kien hemm ħamsa u ħamsin knisja.

5: LIL  MARIJA
19 CORANGELI

LIL MARIJA MTELLGĦA S-SEMA
OMM DAK ALLA LI FIH NEMMNU
AĦNA TLABNA BIEX TĦARISNA
TAĦT GĦAJNEJHA LKOLL NISTKENNU.

Id-dedika ta’ Birmiftuħ lil Santa Marija tax-Xahar t’Awwisu

6: IL-KURAT TA' BIRMIFTUĦ
20 CORO

L-ilsien tagħna qajla jifhmu
X'joqgħod jagħmel hawn m'għandux
Jgħix fis-sogru minn tal-jasar
Irid jitlaq, ma tlumux!

L-isqof - li kien ikun barrani, kien jara kif jagħmel biex idabbar rasu; ma kienx iħoss li hu unur tiegħu jgħix f’Malta, gżira żgħira u lsien li għalih kien Għarbi.
21 ISQOF (Tenur)

Sinjur Kurat ta' Birmiftuħ
Għandek parroċċa mill-kbar
B'ħafna gieħ u esperjenza
Int Vigarju tkun aħjar!

Ghalhekk kien jaħtar Vigarju Ġenerali li diversi drabi kien ikun il-kappillan ta’ Birmiftuħ.
22  

II-poplu u int tiftiehmu
F'idejk tibqa' t-tmexxija
F'Palermu rrid immur naħdem
Mingħajr ebda stennija.

 
23 KAPPILLAN (Tenur)

Jien nobdik sur eċċellenza
F'idi ħalli t-tmexxija
Unur kbir, ġieħ inti fdajtli
U tal-fidi t-treġija.

Il-Kappillan u Vigarju  ma jridx jitlef id-dħul li għandu mill-parroċċa. Mhux l-ewwel darba li inqalgħu kwistjonijiet jaħarqu dwar dan.
24

Ta' Birmiftuħ Kurat nibqa'
Vigarjat ma jirrendix
It-tnejn flimkien jeħtieġ inżomm
Għax inkella ma nfendix.

7: IL-KAVALLIERI  TA'  SAN  ĠWANN
25 SOPRANO & ALTO

Waslu ġew il-Kavallieri
Minn Rodi ġew imkeċċija
Xejn ma kien unur għalihom
Li bla art sfaw imħollija.

Il-KAVALLIERI  TA' SAN ĠWANN - waslu Malta fl-1530 wara li tkeċċew minn Rodi;  qasmu Malta f’żewġ universitajiet. {aqra iktar}
26  

Birmiftuħ, Bisqallin, Qormi
Iż-Żurrieq u l-portijiet
Ħadu kollox taħt idejhom
Lilna ċaħdu l-jeddijiet.

 
27 KOR

Ix-xogħol żdied, il-faqar naqas
Mal-wasla ta' dal-gwerriera
Fl-art, fil-baħar riżq ġabulna
R-reliġjużi infermiera.

Il-Kavallieri joħolqu ħafna xogħol għall-Maltin.
28 SOPRANO & ALTO

Ta' kultant xi mard qerriedi
Din il-gżira kien iżur
Daqqa pesta jew kolera
Ħafna kienu jmutu żqur.

 
29  

Nifs kbir ħadna mill-furbani
Għax fil-medda ta' tliet snin
Ma dehrux fuq dan il-baħar
Għajr il-bċejjeċ tal-Maltin.

Minħabba l-preżenza tal-Kavallieri l-attakki tal-furbani naqsu imma ma spiċċawx.
8:  NAJDAN IL-FURBAN
30 NAJDAN (TENUR)

Jien Najdan, kap tal-furbani
Sew armat minn Ġirba tlaqt
Ħlift li dil-gżira nattakka
Ħerba nagħmel minnha xtaqt.

Najdan Caraman - kap tal-furbani minn Girba jirrakknonta li kien attakka r-raħal tal-Gudja qrib il-knisja Ta’ Loretu f’Ħal Qadi (raħal ieħor f’Birmiftuħ li llum spiċċa) f’Ottubru tal-1533 u li rnexxielhu jieħu fil-jasar erbat irġiel. Jgħid ukoll li sbarka fil-bajja ta’ San Ġorġ Birżebbuġa.

31  

Biċ-ċorma inzilt fl-Għadira
Mill-Brolli għall-Gudja tlajt
Mingħajr xkiel, indħil mill-anqas
Kull ma sibt ħarbatt, skarnajt.

 
32 ĊORMA (SOPRANOS)

Biss dawn tal-Gudja ntebħu bina
Nassa ġo Ta'  Ħmis ħejjew
Tqabadna ma' ljun feroċi
Biċċru, ħarbtu ċ-ċorma sew.

 
33 GUDJANI (CORO)

Erba' rġiel waqgħu fil-jasar
II-Gudjani tnikktu kbir
Dan il-fatt kuraġġ nissilli
Għas-sibi ħassejt id-dmir.

Il-Gudjani - jirrakkuntaw kif bdew jissieħbu fis-sibi wara li raw diversi moħqrijiet waqt l-attakki tal-furbani u biex ukoll iżommu lill-għadu 'l bogħod minn xtutna.

34 GUDJAN (BARITONE)

Suliman ħadha bi kbira
Li l-Maltin ħatfu s-Sultana
Man-nofs qamar se nħabbtuha
Maltemp riesaq lejn l-art tagħna
.

Suliman tfantas sewwa meta qabdulu s-Sultana u daħlu biha Malta.
9: LIL  MARIJA
35 CORANGELI LIL MARIJA MTELLGĦA S-SEMA
OMM DAK ALLA LI FIH NEMMNU
AĦNA TLABNA BIEX TĦARISNA
TAĦT GĦAJNEJHA LKOLL NISTKENNU.
 
10: L-ASSEDJU L-KBIR,  ĠLORMU CASSAR U L-BINI TAL-BELT VALLETTA
36 Kor

Suliman fis beda jlesti
Għal taqtiegħa kbira wisq
Għas-salib u għan-nofs qamar
Żgur ma kienet ebda risq.

Tħejjijiet għall-Assedju
37 ĠLORMU CASSAR
(Baritonu)

II-Granmastru għad-difiża
Qalli 'Ġlormu illuminani
Kif ser nostor il-galeri
Mill-mira ta’ l-Ottomani.

Ġlormu Cassar jgħid dwar il-ġrajja ta’ l-Assedju; jgħid li Suliman kien qed ilesti bil-kbir biex jaħbat għal Malta.

38  

F'qiegħ il-baħar arbli nwaħħal
Fuqhom ktajjen jien nistira
Għandi r-raħal jien għawwiema
Fihom għandi fidi kbira.

La Vallette ħalla f’idejn Ġlormu Cassar  biex jara kif jirnexxilu jagħlaq id-daħla ta’ bejn Sant Anġlu u San Mikiel fil-Ponta ta’ l-Isla.
39  

Tal-parir siewi li tajtu
Ma' xi rġiel ta' Birmiftuħ
II-Forti San Mikiel mar fdali
Biex mill-għadu inħarsuh.

Il-Forti San Mikiel kien fdat f’idejn il-kumpanija ta’ Birmiftuħ waqt l-Assedju l-Kbir.
40 KOR

Assedjana kbir il-mislem
Sofrew ħafna il-Maltin
Iżda l-mislem tellief ħareġ
Ġarrab qillet il-Maltin.

 
41 ĠLORMU
Bar & Alto

II-Granmastru ħilti għaraf
Tama tnisslet wara r-rebħ

Isemmi wkoll dwar ix-xogħlijiet kbar fil-bini tal-belt Valletta, u l-ħila tal-bennejja Maltin.
  CHORUS

B'DIN IL-BELT AĦNA KBURIN

 
Sop & Alto Belt qawwija xtaq li jibni
Għall-qalbiena ġieħ u sebħ.
CHORUS

B'DIN IL-BELT AĦNA KBURIN

42 Bar & Alto Din ser tkun tifkira ħajja
U kull saltna tgħir għaliha
CHORUS

B'DIN IL-BELT AĦNA KBURIN

Sop & Alto Xogħol l-idejn Maltin mirquma
Kburin sħiħ inkunu biha.
CHORUS

B'DIN IL-BELT AĦNA KBURIN

11: LIL  MARIJA
43 CORANGELI LIL MARIJA MTELLGĦA S-SEMA
OMM DAK ALLA LI FIH NEMMNU
AĦNA TLABNA BIEX TĦARISNA
TAĦT GĦAJNEJHA LKOLL NISTKENNU.
 
12: IL-KAVALLIERI FIL-KAMPANJA MALTIJA
44 SOPRANO & ALTO

Meta l-belt kienet mibnija
Ħarsu lejn l-irħula qrib
Lejn ix-xagħri u l-kampanja
Fejn lir-raħeb kont issib.

Nisa mir-raħal - jirrakkuntaw kif il-kavallieri u xi nobbli oħrajn bdew jibnu vilel, torrijiet u fortifikazzjonijiet fi nħawi bogħod mill-ibliet bħal San Luċjan, San Tumas, Tal-Ħamrija, it-Torri Mamo, il-Palazz Ta’ Bettina u t-Torri Tax-Xlejli, il-Palazz Verdala, il-palazz tal-Girgenti u bosta oħrajn.

45 BARITONE

Fuq il-ponot bnew fortizzi
Biex iħarsu lil dil-gżira
Ġol-widien il-ħarrub kabbru
Biex għall-kaċċa hemm tirtira.

 
46 SOPRANO & ALTO

Magħhom tħajru wkoll xi nobbli
It-tnejn l'huma djar kbar bnew
Qalb xi qasam mimli qoton
Skiet u ħemda lkoll fittxew.

Jgħidu wkoll xi ħaġa dwar in-nobbli u jidħlu f’dettal dwar il-Konti Tal-Baħrija u wliedu. Jagħtu wkoll ħjiel għall-abbużi li bdew iseħħu mill-membri ta’ l-Ordni.
47 BARITONE

Hekk kif noqrob lejn ir-raħal
Qlugħ tal-mitħna nara jdur
Miftuħ dritt, ħafif maż-żiffa
U xi karru qamħ se jfur.

Jirrakkontaw triqthom hekk kif jersqu lejn il-Gudja. Jilmħu l-qlugħ tal-mitħna li kien ikkummissjona biex tinbena il-Granmastru Nikol Cottoner.

48 SOPRANO & ALTO

Hemm quddiem ta' Nazju l-villa
Ngħaddi jien sikwit bi nhar
Xi kbarat bil-karozzella
Spiss ninzerta fdawk l-idwar.

Wara kienu jgħaddu minn quddiem il-Palazz ta’ Bettina, li dak iż-żmien kien għadu tal-Konti tal-Baħrija, li kien bnieh fl-1720. Kemm il-Konti tal-Baħrija kif ukoll Bettina Dorell kien ħbieb sewwa tal-Inkwiżitur.
49  

Wlied il-konti t-tnejn, Tereża
U Marija ferm kburin
Lill-inkwizitur u 'l ħbiebu
Jilqgħu b'pompa 'l mistednin

 

Il-maħbub ta’ Tereża kien il-Kappillan Konventwali Fra Samuele Salsana – Kap tal-Paġġi tal-Gran Mastru Pinto. Dan kien tħabbeb mal-Konti, biex permezz ta’ dik il-ħbiberija, jsir midħla tal-Palazz tiegħu l-Gudja. F’Ottubru 1754, il-koppja ħarbu u serqu mid-dar tal-Konti oġġetti prezzjużi li kienu stmati 30,000 skud. Ulied il-Konti tal-Baħrija kienu Marija Tereża, Eliżabetta u Gilorma.

50  

Iż-żjajjar ta' dan-nies nobbli
Għal raħalna kien unur
'Mma għal Tereża l-kaġun kienu
Ħarbet, telqet, ħliet futur.

 
13: FIT-TVERNA
51 GUDJAN (Basso)

Lejn il-misraħ nibqa' nterraq
II-knisja nieqaf inqim
Fit-tverna ta' Marozz nidħol
Tabakk għandu u nbid prim.

Fil-misraħ tal-knisja kien hemm it-tverna ta’  Marozz li tissemma wkoll fil-proċess tal-inkwizitur meta kien insteraq il-pissidi bl-ostji kkonsagrati mill-knisja ta’ Birmiftuħ f’Jannar tal-1663.
52 SOPRANO & ALTO

Missieri, ommi, zijieti
Kollha t'hawn il-ġuvintur
Bi ġmieli għajnejhom tgħaxxqu
Għal imħabbti qalbhom tfur.

Xebbiet mir-raħal - jgħidu b’għafsa ta’ qalb li ħafna ġuvintur kienu jixtiequ jiżżewġuhom imma bosta rġiel kien jeħtiġilhom imorru għas-sibi, allura kienu jibżgħu jieħdu pass bħal dan.
53  

U min jaf kemm-il qasrija
Ħriġna hemm fil-gallarija
Ma waslitli l-ebda ħotba
Jew xi rbit għall-għerusija.

 
14:  GĦERUSIJA
54 GUDJAN (Basso)

B'għarusti ma nistax nieħdok
Għalkemm qalbi tgħix għalik
Jekk fuq xini jien nispiċċa
Żgur li armla inħallik.

Ġuvnott mir-raħal - jgħid għaliex kien jibża’ jintrabat fiż-żwieġ ma’ xebba sabiħa.
55  

Destini jkun mewt jew jasar
Kemm iżeqħlu bik l-irħib
Biex jifdu lili mill-jasar
Lilek jitfgħu fit-tiqrib.

 
15: LIL  MARIJA
56 CORANGELI LIL MARIJA MTELLGĦA S-SEMA
OMM DAK ALLA LI FIH NEMMNU
AĦNA TLABNA BIEX TĦARISNA
TAĦT GĦAJNEJHA LKOLL NISTKENNU.
 
16:  BETTINA
57 KOR

Bettina mara b'qalb kbira
Tħenn u nobbli minn kull lat
Il-villa ta' Nazju l-Konti
Fiż-żwieġ b'dota akkwistat.

Nies tal-Gudja - dwar Bettina Dorel Muscati, kemm kienet mara tħobb l-arti, qalbha tajba, ipprovdiet ħafna xogħol lin-nies tar-raħal, 
58

Kabbret, żejnet ferm il-villa
B'arti bidlet dan l-imkien
B'torri kbir żejnet il-ġonna
Palazz għamlet f’qasir żmien.

59  

Ġid kbir minnha ra ir-raħal
U minn bintha Anġolina
Karità minn qalbhom tawna
Xogħol ukoll provdew għalina.

Bettina kienet tagħti 500 skud fix-xahar karità.
60  

II-Korp ta' San Sinforjanu
Tat-tfajjel martri qaddis
Bl-ifjen imbrukkat hi żejnet
Tatna dar-rigal qħażiż.

In-nies isemmu wkoll li Bettina rregalat lill-knisja tar-raħal il-fdal tal-qaddis martri San Sinforjanu.
61  

Biex l-aħħar tislima ntuha
Lejn il-Birgu lkoll bi ħġarna
B'qalb magħfusa, għajnejn miksura
Wara d-difna lura għal darna.

Id-dispjaċir kbir li ħalliet wara mewtha baqa` jinħass għal żmien twil. Il-Gazzetta tal-Gvern ukoll xandret il-mewt tagħha flimkien ma’ rakkont dwar il-funeral.
17:   NAPULJUN U L-FRANĊIZI
62 KAPPILLAN (Tenur)

Sakemm nitla' naqta' nifsi
Fuq il-knisja ta' kuljum
Biex l-ilwien Franċiżi nuri
Kif ordnali Napuljun.

NAPULJUN IKEĊĊI LILL-KAVALLIERI - Il-Kappillan tal-Gudja jgħid dwar l-obbligu li kellu biex itella’ l-bandiera Franċiża fuq il-knisja.

63  

Ħolom ħolma wisq sabiħa
Fuqha fassal liġijiet
Anqas ħbiebu ma riduha
Għax ixxejnu l-jeddijiet.

Napuljun fassal liġijiet ġodda għal Malta iżda dawn bilkemm laħqu daħlu fis-seħħ. Isiru festi  madwar l-arblu tal-libertà fejn in-nobbli kellhom jaħarqu l-bolol u d-digrieti;
64 KOR

Għall-knejjes qalu se jduru
Ġenn qabadhom mingħajr flus
Jirkantaw kull oġġett sagru
Tal-kuxjenza mingħajr ħsus.

Il-Franċiżi tefgħu għajnejhom fuq l-oġġetti sagri tal-knejjes Maltin biex jagħmluhom flus li kien meħtieġa wisq biex is-suldati jitħallsu l-pagi.
18: LIL  MARIJA
65 CORANGELI LIL MARIJA MTELLGĦA S-SEMA
OMM DAK ALLA LI FIH NEMMNU
AĦNA TLABNA BIEX TĦARISNA
TAĦT GĦAJNEJHA LKOLL NISTKENNU.
 
19:  FILIPPU  CASTAGNA  U L-IRVELL KONTRA  L-FRANĊIZI
66 KOR

Ej' ningħaqdu fis bejnietna
Ħuti nħarsu 'il quddiem
Ftakru lkoll f’missirijietna
Ċarċru demmhom għall-ħelsien.

Jibda l-irvell kontra l-Franċiżi

67 FILIPPU (TENUR)

Jien bin Anġlu u Tereża
Lili lkoll tafuni sew
Għand ta' Buttiġieġ miżżewweġ
Kelma soda rrid tassew.

Filippu Castagna - imexxi lin-nies tal-Gudja biex jagħtu sehem fl-imblokk tal-Franċiżi. Twieled Ħal Għaxaq  fid-19 ta’ Novembru 1765, bin Anġlu u Tereżina Castagna.  Fl-10 ta’ Frar 1789 Filippu żżewweġ lil Maria Buttiġieġ; mill-Gudja. Iż-żwieġ sar fil-Knisja Parrokkjali tal-Gudja u baqgħu jgħixu hemm.  Twieled Ħal Għaxaq. Hu żżewweġ il-Gudja lil Marija Buttiġieġ.

68  

In-negozju lest li nitlaq
Jekk inti diġà deċiż
Biex b'saħħitna lkoll nissieltu
Kontra l-ħakma tal-Franċiż.

Filippu Castagna kien negozjant.
69 KOR

F'qasir żmien il-poplu ntebaħ
Li l-ħakkiema ħallelin
Lil Filippu wegħidna għal artna
Se niġġieldu għalenin.

Irġiel Gudjani  jirrakkuntaw xi episodji fdati f’idejhom. Dawn il-fatti li qed jidhru hawn huma ftit mill-ħafna atti siewja li wettqu n-nies tal-Gudja fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi

70  

B'rieda soda, f’fehma waħda
Ħadna l-forti San Tumas
Ixxabbatna, ġo fih dħalna
Kuraġġ kbir kellna f’dal-każ.

Il-kisba tal-Forti San Tumas f’Wied il-Għajn minn idejn il-Franċiżi
71  

Fuq il-baħar resaq l-għadu
II-kanuni sab jilqgħuh
Qatt ma basar li fil-forti
Mhux sħabu hemm jistennewh.

 
72

Lill-Għawdxin daqqa t’id tajna
Mal-lejl morna biex ngħinuhom
Mill-baħar mas-swar dlonk tlajna
Minn Chambray ridna nkeċċuhom.

Il-kisba tal-Forti Chambray fil-gżira Għawdxija.
73

B'fehma waħda, b'rieda kbira
Ġidna, l-ħwejjeġ tajna b'rahan
Sabiex akkwistajna l-ikel
Tajna 'l poplu ftit serħan.

Il-poplu tal-Gudja flimkien ma’ ta’ rħula ohra tan-naħa t’isfel ta’ Malta taw b’rahan ġidhom kollu biex jiksbu l-ikel. Kien biss għalhekk li l-imblokk baqa’ u rnexxa.

20: LIL  MARIJA
74 CORANGELI LIL MARIJA MTELLGĦA S-SEMA
OMM DAK ALLA LI FIH NEMMNU
AĦNA TLABNA BIEX TĦARISNA
TAĦT GĦAJNEJHA LKOLL NISTKENNU.
 
21: L-INGLIZI
75 TFAJLA (ALTO)

Fina ra qalb ferm qawwija
Biex insiru s-sid ħerqana
Kollox lest jagħmel għalina
Biex jarana sew ferħana.

 

Alessandru Ball - Kien miġjub ħafna mill-Maltin u għaraf x’kien hemm f’qalbhom għal art twelidhom. Il-gvern Ingliż ra kif għamel biex iwarrbu, għax mingħajru f’Malta aktar sata’ jwitti t-triq biex Malta tgħaddi għand l-Ingilterra bħala kolonja jew art maħkuma. Diġa kien hemm ħjiel li Malta kellha mnjen tmur għand ir-Russja billi l-Kzar kien laħaq Granmastru ta’ l-Ordni. {aqra iktar}

76  

Għall-qlubija mingħajr biża'
Għal dil-ħeġġa u l-futur
Lil Filippu huwa ħatar
Ta' Għawdex il-Gvernatur.

Fl-1802, wara li miet Emanuele Vitale l-ewwel Gvernatur t’Għawdex, Filippu Castagna laħaq bħala gvernatur ta’ hemm.
77 POPLU (KOR)

U lilna poplu tal-Gudja
Tana tifkira ukoll
Ġnien sabiħ huwa ħejjielna
Fejn nistgħu nistrieħu lkoll.

Il-Ġnien tal-Kmand li hemm fir-raħal,  bl-arma tar-Re Ġorġ ta' l-Ingilterra li hemm fuq il-bieb.
78  

Fuq id-daħla huwa qiegħed
Tar-Re Ġorġ is-sbieħ kuruni
L-istandardi tal-qalbiena
U tal-Malti il-kanuni.

 
79 TFAJLIET (SOPRANO & ALTO)

Era ġdida tfaċċat f'artna,
U ma' l-Inglizi xogħol, tarznar,
Servizz tajna lill-Imperu,
Li ġab ġid, gwerer u mrar!

In-nies tar-raħal – juru li għalkemm talbu l-kenn tal-Ingilterra, xorta kellhom jibqgħu jitħabtu għad-drittijiet tagħhom. Filippu Castagna kien mar Londra biex jppreżenta d-dikjarazzjoni tad-drittijiet tal-Maltin.

80  

II-Gudjani dejjem tlabna
Tul dal-ġrajja, tul daż-żmien
Lil Marija Mtellgħa s-Sema
Biex tkun tagħna kenn, ħarsien.

Jgħidu li għalkemm kienu jiksbu għajnuna għad-difiża, xogħol u wens materjali ieħor, minn diversi nazzjonijiet li ħakmu fuq Malta, kif ukoll kienu maħqurin mill-istess ħakkiema; huma dejjem talbu lil Marija Mtellgħa s-Sema tidħol għalihom.
81 Solisti & Corangeli

Biex l-Assunta ddur mar-raħal
Xtaq il-poplu jkollu xbieha
L-imblokk għaks bil-kbir kien ħalla
Min seta' jidħol għaliha?

Billi l-Gudja huwa dak li baqa' minn Birmiftuħ, għalhekk flimkien mal-Kattidral t’Għawdex huma l-eqdem lokalitajiet li għad baqa'  iddedikati lill-Assunta.
22:  DUN TUMAS,  VINCENZO  DIMECH  U  L-ISTATWA  TA' L-ASSUNTA
82 ALTO

Dun Tumas qassis mir-raħal
Tant lin-nies rahom ħerqana
Xewqthom twebbel li jaqtgħalhom
Bi statwa tal-Omm Gudjana.

Dun Tumas Zammit - kien hu li ħabrek biex tinħadem l-istatwa ta' l-Assunta. Dun Tumas Zammit twieled il-Gudja fl-20 ta’ Frar 1729, bin Ġakbu Zammit u Tereża Haxach. Mexa fuq l-eżempju tal-vokazzjonijiet reliġjużi taz-zijiet tiegħu. Ħalla diversi legati b’xi rabta mal-festa ta’ Santa Marija. Hu miet nhar il-Milied tal-1809.

83 CORO

Dimech fassal mara sbejħa
B'għajnejha tilqa' t-talbiet
U b'dirgħajha 'l fuq merfugħa
Tressaqhom lejn is-smewwiet.

L-iskultur Vincenzo Dimech (1768 – 1831) mill-belt Valletta. Studja l-arti f’Napli u l-iskultura tiegħu tinsab kemm fil-ġebla kif ukoll fl-injam. Fost ħafna xogħol artistiku tiegħu, fil-Gudja għandna l-istatwa ta’ Santa Marija li Dimech ħadem fuq injam mastizz fl-1807.
84 CORO

Dan ir-raħal kien ta' l-ewwel
Biex 'l Omm Alla jrodd foħrija
Unur tant mistħoqq u xieraq
Evviva Santa Marija!

 
  CHORUS Santa Marija! Santa Marija!  

With the participation of:

Entrance is free of charge.