Komponiment Letterarju

Ir-Rispett fil-Familja

Il-familja hija l-pedament ta’ kull soċjeta’ u individwu. Il-komunikazzjoni u r-rispett huma l-aktar żewġ fatturi neċessarji biex il-paċi u l-għaqda mhux biss jirrenjaw iżda wkoll jiddominaw il-ħajja ta’ kull membru ta’ familja. Għalkemm f’aspetti differenti, f’dawn is-siltiet jidher ċar ir-rispett bejn il-membri tal-familja.
Dan ir-rispett narawh l-aktar fir-relazzjonijiet ta’ bejn il-ġenituri u l-ulied f’ċirkustanzi varjati li ngħaddu f’ħajjitna. Il-bniedem huwa kapaċi jħobb u jirrispetta, speċjalment biex iservi ta’ protezzjoni għaċ-ċkejken u għall-innoċenti. Dan narawh fil-poeżija ‘Lullaby lil Yevgeny’ ta’ Mario Azzopardi. F’din il-poeżija għandna sitwazzjoni fejn il-missier huwa maħkum mill-passat tiegħu, passat li mhux ta’ min jimxi fuqu. Azzopardi jurina biċ-ċar li ma jridx li ibnu jżommu bħala eżempju biex jgħinu jibni ħajtu, bla dubju għaliex jirrispettah. Huwa jibża’ li jiġi kkundannat minn ibnu “int titfagħni taħt giljottina ta’ biża’ “.
Fl-eleġija ‘Mur Orqod Binti’ ta’ Oliver Friġġieri għandna sitwazzjoni bejn missier u bintu. Dan il-missier għandu rispett kbir lejn bintu. Minkejja li muġugħ, jipprova jipperswadiha li ta’ xejn tistenna lil ħuha għax mhux ġej. Huwa jagħmel minn kollox biex ma jħallihiex tbati u jipproteġiha min-niket li ġġib magħha l-mewt u dan ma kienx faċli għalih “Missierek jaf; tibqax tistenna
għalxej’ ”.
Ir-rispett narawh ukoll min-naħa tal-ulied lejn il-ġenituri. Dan jidher fil-poeżija konċiża iżda effettiva, “Il-Bejjiegħ tal-Gazzetti” ta’ Ġorġ Borġ. Tul din il-poeżija Borġ ma jieqafx juri rispett lejn ommu. Huwa jgħidilna li għalkemm ommu


“...gazzetti ma tixtrix
u ma taqrax,
għax ma tarax,
għalih hi kollox
u biha
id-dinja ma taqax.”
Għalih ommu hija persuna għażiża ħafna.

Jekk nagħtu ħarsa lejn is-silta “Missier u Iben” ta’ Francis Ebejer ukoll naraw rispett li ġej min-naħa tal-ulied. Hawnhekk Ebejer ukoll iġegħilna nħossu r-rispett li għandu lejn missieru.Dan joħroġ fil-fatt illi Mark Antonin qagħad lura mix-xewqa li kellu u stenna sakemm missieru jistrieħ. Huwa ma ħa l-ebda pass qabel għax xtaq li l-aħħar jiem ta’ ħajjet missieru jħallih jgħixhom fil-kwiet “Għax għandi nqalliblu moħħu u nkiddu fl-aħħar jiem ta’ ħajtu?”.

Għall-kuntrarju tal-poeżiji u s-siltiet l-oħra fin-novella “Ir-raġel tal-Klieb” ta’ Oliver Friġġieri jinħass in-nuqqas ta’ rispett bejn din il-koppja. Il-ftuħ b’atitudni ta’ rabja bejniethom huwa xhieda ta’ dan. Din it-tensjoni ta’ bejniethom hija kkawżata mill-fatt li tfal ma kellhomx.Għalih il-klieb kienu importanti.Huwa jispiċċa jgħix mingħajr l-imħabba tal-ulied u ta’ martu u għalhekk jimla l-vojt mod ieħor. Meta martu mietet mela d-dar kollha klieb. Iżda fl-aħħar mill-aħħar lanqas il-klieb stess donnhom ma kinux jirrispettawh għax ġismu nstab mikul minnhom stess “F’nofs il-kamra tas-sodda sabu biċċiet mill-ġisem mejjet tar-raġel imgiddem u mittiekel”.

Dawn il-kitbiet juruna li r-rispett u l-imħabba lejn il-familja tagħna huma importanti f’ħajjitna. Għandna napprezzaw kull ħaġa li l-membri tal-familja jagħmlu għalina u nkunu hemm għal xulxin.


Janelise Calleja