Lill-Ħarruba tat-Teatru Grieg

Ħarruba, imwennsa mill-ilħna tat-tfal, li nġabru madwarek sew żgħar u kemm kbar, 

nistħajlek tħarishom taħt dellek miġbura, bħalma qalb il-friegħi tħares lill-għasfura.

 

Kemm rajt għajnejn żoroq jew suwed tutin, kannella jew ħodor fi wċuħ imbissmin,

kemm fraħt magħhom meta għaddew mill-eżami u bkejt meta f’qalbhom il-hemm kien setgħani.

 

Fraħt inti kull meta ġie fostna l-Mulej bil-bxara tat-tama għaż-żmien illi ġej.

Ibqa’ semma’ l-għanja li tħaxwex mar-riħ ħa thenni ‘l kull ħlejqa li taħtek tistrieħ.

John Mallia

Għalliem tal-Malti