Djarju ta' Tfajla Marida

Illum il-ġurnata jien djarju b’qoxra sewda b’karti immermrin bi kliem ta’dwejjaq u mingħajr kliem ta’speranza miktuba fuqi ġo kaxxa immermra ta’ l-injam ta’ l-għuda ma xi erba’ pupi taċ-ċaruta u żewġ ilbiesi oħra fil-ġnien ta’ familja sinjura.

Jien kont l-uniku serħan ta’ din it-tifla marida bil-pesta. Kien fl-eqqel żmien tal-pesta meta din it-tifla kienet tikteb ġrajjiet ta’ dwejjaq, imwied u niket. Bdejt inħossni ħati jien ukoll. Meta missierha ħatfitu l-marda tal-pesta taħt idejha skond il-ligi kellhom issakruh f’kamra waħdu mingħajr l-ebda provvista ta’ l-ikel imma din il-familja riedet tibqa’ magħquda u għalhekk ħadu magħhom provvista kbira ta’ ikel u dak kollu li jeħtiegu u ingħalqu fid-dar kbira tagħhom. Il-Marda kompliet tittieħed sakemm fl-aħħar din il-familja ta’ seba’ aħwa, omm u missier kienu kollha morda bil-marda tal-pesta.

Missier din it-tifla marida jisimha Marijanna baqa’ sejjer dejjem għal agħar sakemm fl-aħħar ħalla lil martu u lis-sebat itfal li kellu. Demghat M arijanna nifduni daqs kemm kienu kbar, ta’ uġigħ u ta’ niket. Imbagħad messet xorti ħazina wkoll lil ħutha miż-żgħar għall-kbar, ġimgħa wara ġimgħa, mewt wara mewt demgħat bdew nizlin iktar b’qawwa. Kienet ħaġa wisq tan-niket tara lil ħutek imutu speċjalment it-tarbija ta’ tliet xhur. Kien irid ikollok qalb taż-żonqor biex tibqa’ bierda. Kuljum kienu jitolbu lil Santu Rokku biex ifejjaqhom mill-marda tal-pesta skond ma kitbet fuqi. L-Ikel beda jispiċċa u iktar ma kellhomx forzi, iktar ma kellhomx speranza. Fuqi kien għad m’hemmx miktuba kelma ta’ faraġ. Marijanna u ommha wkoll baqgħu sejrin lura sakemm fl-aħħar ommha ħallietha wkoll.

Kien wisq għal Marijanna tara l-familjari kollha tagħha jmutu wara xulxin filwaqt li bdiet sejra lura bil-mod bħal granċ. Wiċċha sar isfar mewt u idejha sarulha bojod silg. Bdiet taqta’ wkoll nifisha u kellha ħakk kbir ma ġisimha kollu tant li xi kultant kien anke jnixxi id-demm. Tant bkiet illi ma kellhiex iktar ilma x’titfa imma minflok bdiet tibki demgħat tad-demm. Kienet il-ħin kollu tokrob bil-ħruq agħar minn meta tinxtewa fuq in-nar tax-xemx. Bdiet tħossha muġgħuha, mnikkta u ma kellha’ l’ħadd min ifarraġha. Kienet tgħaddi sigħat titlob lil Santu Rokku u issa anke lill-Madonna ta’ Pinu biex jeħduha fejn il-familja tagħha tgawdi hemmhekk magħhom għax ma kellhiex speranza biex tfiq allavolja, ma kinitx tħossha waħedha għax kienet taf li l-familja tagħha kienet magħha meta tisma’ xi bikja ta’ħuwha iż-żgħir ta’ tlett xhur jew l-għajta t’ommha biex tmur tiekol. Dak u l-kitba kien l-unika serħan tagħha.

Fil-Milied bdiet titlob aktar mis-soltu biex il-Bambin jeħodha miegħu u semgħalha talbha. Dakinhar waqt li kienet qed tikteb fuqi li qed tifga jaqgħalha l-lapes minn idha u rasha waqgħet fuq l-imħadda. Jien dak il-ħin serraħt moħħi u tfarraġt għax kont naf li dik it-tifla kienet ser tgawdi mal-familja tagħha.

Meta wara xi siegħa ġew dawk tal-pesta tefgħuni f’kaxxa ta’ l-injam ma xi pupi oħra taċ-ċaruta u xi ilbiesi tagħha f’kaxxa oħra u poġġewna fil-ġnien fejn illum hemm parti minn dar ta’ familja sinjura.

QATT MHU ĦA NINSA LIL DIK IT-TIFLA!

Chantelle Borg