Nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju fil-Kulleġġ Maria Regina, Sekondarja Bniet Mosta, kellna viżta pastorali mill-Eċċellenza tiegħu Mons. Arċisqof Pawlu Cremona. L-Arċisqof intlaqa’ mill-istudenti fis-sala tal-iskola. Ittella’ programm żgħir ta’ kant u mima li ntemm b’diskors li l-Arċisqof għamel lill-istudenti. Wara l-istudenti kellhom iċ-ċans jiltaqgħu ma’ Mons. Arċisqof u jistaqsuh xi mistoqsijiet li ġew imwieġba b’sinċerita’ kbira. L-Arċisqof iltaqa’ wkoll mal-minor staff, l-iskrivani, l-għalliema u l-amministrazzjoni tal-iskola. Għal din iż-żjara speċjali kien preżenti wkoll il-prinċipal tal-iskola, s-Sur Mario Testa. Fl-aħħar taż-żjara tiegħu, l-Arċisqof ta l-barka pastorali tiegħu lil dawk kollha preżenti. Grazzi Mons. Arċisqof tal-ferħ li tant ġibt fl-iskola tagħna. Żgur li din iż-żjara ħalliet ġid kbir fostna lkoll.
|