|
L-Istorja ta’ l-Innu Malti
Diġa’ fid-dsatax-il seklu (1800 — 1899) kien hemm ix-xewqa li Malta jkollha
l-innu nazzjonali tagħha. Fl-1850 Ġan Anton Vassallo
kien ikkompona Innu Lil Malta, li ndaqq ta’ spiss matul l-għoxrin
seklu waqt ħafna manifestazzjonijiet (meetings) Maltin.
Fl-1922 il-Kulunell Professur Robert Samut ikkompona biċċa mużika qasira. Din il-biċċa mużika ġiet f’idejn A. V. Laferla. Dik il-ħabta Laferla kien id-Direttur ta’ l-iskejjel primarji, u kien qed jaħseb biex iqabbad lil xi ħadd jagħmillu innu qasir biex ikantawh it-tfal fl-iskejjel tal-gvern.
Meta sema’ l-biċċa mużika ta’ Samut, Laferla laqtitu ħafna u ħaseb li kienet tajba għall-iskop tiegħu. Talab lill-Monsinjur Karmenu Psaila, il-poeta nazzjonali, biex jiktiblu xi versi li jmorru mal-mużika.
Il-poeżiji ta’ Dun Karm huma magħrufin ħafna għax-xejra reliġjuża u patrijottika tagħhom, u l-versi li kiteb għall-mużika ta’ Samut ma kienu xejn inqas. F’qasir żmien kiteb il-versi. Kienu versi qosra, madankollu kienu juru ż-żewġ elementi importanti ta’ l-ispirtu tal-poplu Malti.
L-innu beda jitkanta f’Diċembru ta’ l-1922, fl-iskejjel tal-gvern. L-ewwel darba li ndaqq fil-pubbliku kien fis-27 ta’ Diċembru 1922 u fis-6 ta’ Jannar 1923, waqt żewġ kunċerti li ngħataw mit-tfal fit-Teatru Manoel.
Madankollu, waqt dawn iż-żewġ rappreżentazzjonijiet, xi ħadd biddel xi kliem mill-innu. Dan irrabja lil Dun Karm, li bħala protesta kiteb artiklu fil-gazzetta. Minn dakinhar ‘l hawn ma tbiddel xejn mill-verżjoni oriġinali tal-versi.
Fit-3 ta’ Frar 1923 reġa’ ndaqq f’kunċert ieħor fit-Teatru Manoel, din id-darba mtella’ mit-tfal ta’ l-iskola ta’ Tas-Sliema, u bil-versi oriġinali kif kien kitibhom Dun Karm. L-innu ndaqq mill-Banda tad-Duka ta’ Edinburgh, ta’ Vittoriosa.
Il-Gvern Malti għaraf l-innu bħala l-innu uffiċjali ta’ Malta fit-22 ta’ Frar ta’ 1941. Il-Kostituzzjoni ta’ l-Indipendenza (1964) kkonfermatu bħala l-Innu Nazzjonali ta’ Malta, u tista’ tgħid li issa huwa wieħed mis-simboli ta’ identita’ tal-poplu Malti.
Ġrajja interessanti seħħet fil-25 ta’ Marzu 1945, fl-istadju tal-Gżira qabel il-logħba futbol bejn l-Ingilterra u l-Jugoslavja. Dak iż-żmien Malta kienet għadha taħt l-Ingliżi, u l-Gvernatur Ingliż kien preżenti. Qabel il-logħba il-banda daqqet l-innijiet tal-Jugoslavja u ta’ l-Ingilterra. Hekk kif il-Gvernatur kien se joqgħod bil-qiegħda, il-folla tal-Maltin baqgħu bil-wieqfa u bdew ikantaw l-Innu Malti. Malli ra dan il-Gvernatur baqa’ bil-wieqfa sakemm spiċċa l-Innu.
l-Innu Malti nistgħu niddeskrivuh bħala talba li ħierġa mill-qalb. L-innu jindaqq kuljum fuq il-medja (radju u televiżjoni) u waqt kull funzjoni li jattendu għaliha il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u personalitajiet oħra importanti fil-gvern. Jindaqq ukoll kuljum fl-iskejjel u waqt okkażjonijiet nazzjonali importanti.
|