Il-Wirt Medjevali:

Form 5 :   WIRT MEDJEVALI fil-Gżejjer Maltin:

  • Mdina, Birgu, Rabat Għawdex
  • Toroq Medjevali
  • Kappelli: Ħal Millieri, Bir Miftuħ, San Girgor
  • Villaġġi mitlufin

NOTI:

Il-MEDJUEVU f’Malta nistgħu ngħidu li jeħodna lura għal dawn il-Ħakmiet:
  • Biżantini: belt kapitali tagħhom kienet Kostantinopli (illum Istanbul )
  • Għarab – mis-sena 870 w.K
  • Normanni (il-Konti Ruġġieru ġie Malta 1091w.K), Anġuvini (min-naħat ta’ Franza), Aragoniżi (min-naħat ta’ Spanja)
  • Kavallieri – (1530 sal-bini tal-Belt Valletta 1566)
Dar ta’ oriġini Medjevali, magħrufa bħala PALAZZO FALSON  eżatt quddiem il-Knisja Tal-Karmnu  fl-Imdina – kienet magħrufa bħala d-Dar Normanna. L-arkitettura hija Sikulo-Normanna, użata min-Normanni fi Sqallija.
Il-bitħa ta' Palazzo Falson

Aqra iktar dwar PALAZZO FALSON (<>)

X’jiġik f’moħħok meta taħseb fuq il-MEDJUEVU?

Fewdaliżmu Inkwiżizzjoni Kruċjati Kavallieri
Joan of Arc King Arthur Monasteri Patrijiet
pesta Charlemagne Federiku l-Kbir slaten

Dan il-kliem kollu b’xi mod jew ieħor jirrappreżenta l-karatteristiċi taż-żminijiet Medjevali.

Allura nistgħu nitaqsu:

  • Taħseb li s-soċjeta` Medjevali kienet DEMOKRATIKA? Ovvja li r-risposta hija LE, is-soċjeta` Medjevali ma kinitx demokratika. Il-kelma FEWDALIŻMU, fost kelmiet oħra, turina dan.
  • Taħseb li s-soċjeta` kienet TOLLERANTI, fejn kulħadd kien liberu jemmen dak li jrid? Ir-risposta hija LE ukoll. L-Inkwiżizzjoni żgur ma kinitx xi istituzzjoni li tispira t-tolleranza.

L-IMDINA:

Fil-Medjuevu, iċ-Ċentru Kummerċjali (belt kapitali) ta’ dawn il-gżejjer kienet l-Imdina. L-Għarab ċekknu l-belt ta' Melita (iċ-Ċentru Kummerċjali ta’ dawn il-gżejjer fi Żmien il-ħakma Rumana) x'aktarx biex ikunu jistgħu jiddefenduha aħjar. Kienu l-Għarab ukoll li ħaffru l-foss ta’ madwarha.
Fl-istampa jidher il-Katidral ta’ l-Imdina kif jidher illum.

Il-Katidral l-antik, li x'aktarx kellu stil Gotiku, waqa’ fit-terremot kbir li laqat lill-Gżejjer Maltin fl-1693.

Il-pjanti tal-Katidral saru minn Lorenzo Gafa`.

BIRGU:

Il-Birgu kien ċentru ieħor, did-darba maġenb il-baħar. Fil-ponta tal-peniżola konna nsibu l-Kastell (Castello a Mare) li kien jgħasses id-daħla tal-Port il-Kbir.

Kif seta' kien jidher il-Birgu fil-Medju Evu - M Perez d'Aleccio

 

Knejjes, Kappelli u parroċċi:

Bil-miġja tan-Normanni, u fi żmien il-ħakmiet Anġuvini u Aragoniżi, ir-reliġjon Nisranija bdiet tieħu post importanti fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Għalhekk id-djoċesi Maltija bdiet tinqasam f’parroċċi differenti biex il-ħtiġijiet spiritwali ta’ l-Insara ikunu moqdijin aħjar.

Bosta rħula bdew jibnu knejjes sbieħ.

Il-kappella tal-Bakkari, int u nieżel Ħal Far miż-Żurrieq. Illum bagħalna biss il-fdalijiet  u l-ismijiet ta’ bosta kappelli bħal din.

Il-kappella Medjevali ta’ Santa Marija ta’ Bir Miftuħ, limiti tal-Gudja

Baqgħalna bosta kappelli fil-kampanja Maltija. Fost l-isbaħ tlieta nsibu l-knejjes/kappelli Medjevali ta’:

  • Bir Miftuħ (fil-limiti tal-Gudja) aqra iktar (<>)

  • San Girgor (fiż-Żejtun) (<>)

  • Ħal Millieri (fil-limit taż-Żurrieq) (<>)

Il-Knisja ta’ Bir Miftuħ kienet waħda mill-ewwel parroċċi tad-djoċesi Maltija. Minnha ħarġu dawn il-parroċċi moderni: Gudja, Mqabba, Qrendi, Birżebbuġa, Kirkop, Safi u Ħal Farruġ.

Din l-Art Ħelwa hija għaqda volontarja li irrestawrat u għadha taħdem ħafna biex il-kappella ta’ Bir Miftuħ tkun miżmuma sew u apprezzata mill-Maltin u l-barranin.

Kappella oħra Medjevali hija dik ta’ Ħal Millieri. Ħal Millieri kien raħal qrib il-Qrendi u l-Imqabba fejn sal-15–il Seklu konna nsibu diversi nies għadhom jgħixu fih.

Anke l-Kappella ta’ Ħal Millieri, bħal dik ta’ Bir Miftuħ ġiet restawrata mill-għaqda Din l-Art Ħelwa. F’din il-knisja nsibu affreski sbieħ (pittura fuq il-ħitan). Dawn ġew irrestawrati u llum jistgħu jitgawdew.  

Kappella oħra Medjevali hija dik ta’ San Girgor fiż-Żejtun. Minn tieqa żgħira f’din il-knisja, tista’ tara sew il-bajja ta’ Marsaxlokk. Għalhekk wieħed seta’ jinduna jekk jidħol xi xini tal-furbana f’din il-bajja. Din il-kappella fiha ħajt imsaħħaħ (buttress wall); dan jurina li x’aktarx kienet isservi għad-difiża ta’ l-inħawi wkoll. (Ara ritratti ta' S Girgor)

Hawnhekk issir il-purċissjoni ta’ San Girgor, l-ewwel Erbgħa fuq l-Għid il-Kbir. Wara, in-nies jibqgħu sejrin Marsaxlokk u joqogħdu jiddevertu u jieklu xi ħaġa ħdejn il-baħar. (Aqra dwar il-festa ta' San Girgor)

RĦULA MITLUFIN:

Jekk tħares lejn din il-mappa tinduna li xi rħula il-lum ma għadhomx jgħixu nies fihom. Forsi l-iktar wieħed famuż huwa Ħal Millieri. Dan għaliex l-istudjuż Dr Godfrey Wettinger kiteb ktieb sabiħ fuq dan ir-raħal mitluf. Dr Wettinger għamel ħafna riċerka fuq dokumenti bħal testmenti u kuntratti li sab għand in-nutara.

Għaliex dawn l-irħula ma baqgħux jgħixu nies fihom? Ħadd ma jaf eżatt għaliex, imma nistgħu nsemmu dawn it-teoriji:

Biża’ mill-pirati: dawn kienu jattakkawna u jisirqu n-nies biex jagħmluhom ilsiera;

Nuqqas ta’ kumditajiet: f’raħal kbir bħal Ħaż-Żabbar issib ħwienet, tabib, nutar, knisja kbira eċċ… Dawn ma kontx issibhom f’raħal żgħir bħal Ħal Sajd.

Żvilupp tar-razzett: bosta bdiewa li kellhom ir-raba’ tagħhom f’dawn l-irħula żgħar, bdew jixtru dar fir-raħal il-kbir, imbagħad jużaw ir-razzett għal matul il-ġurnata biss.

Kappelli Trogloditi - maqtugħin gol-blat:

Jeżistu kappelli Medjevali mħaffrin ġol-blat. Dawn ngħidulhom trogloditi. Xi eżempji huma Sant Agata fir-Rabat u l-Madonna fil-Mensija.

Il-kappella troglodita ta' Sant Agata fir-Rabat Malta.

Aqra dwar il-kumpless storiku ta' Sant Agata fir-Rabat: Kripta, Katakombi, Knisja u Mużew.

Ta' min isemmi hawn lill-Maltin trogloditi, jiġifieri dawk li kienu jgħixu fl-għerien. L-isbaħ eżempju huwa dak ta' l-Għar il-Kbir fil-limiti ta' Ħad-Dingli, mhux bogħod mill-Buskett. (aqra u ara ritratti dwar l-Għar il-Kbir)

Iċ-Ċittadella f’Għawdex:

Ma tistax titkellem dwar il-Medjuevu t’Għawdex mingħajr ma titkellem dwar iċ-Ċittadella.

Iċ-Ċittadella t’Għawdex kienet magħrufa wkoll bħala l-GRAN KASTELL u kienet imdawra bis-swar.

Dehra taċ-Ċittadella mdawra bis-swar u bil-kampanja. Jidher ukoll ir-Rabat, is-subborg taċ-Ċittadella.

Iċ-Ċittadella hija mibnija fuq għolja. Din l-għolja kienet użata mill-Feniċi, Kartaġiniżi u Rumani. X’aktarx li kienu r-Rumani li bnew l-ewwel swar madwar iċ-Ċittadella u parti mir-Rabat tal-lum. In-nies kienu joqogħdu ’l ġewwa minn dawn is-swar. Fi żmien ir-Rumani Għawdex sar Muniċipju għalih. Meta ngħidu MUNIĊIPJU, dan kien ifisser li l-Għawdxin kellhom sehem fit-tmexxija ta’ arthom. F’nofs iċ-Ċittadella kien hemm it-tempju ta’ Ġuno fuq l-istess post fejn illum hemm il-Katidral.

Meta l-Għarab ħakmu l-Gżejjer Maltin wara s-sena 870 W.K., il-belt ewlenija ta’ Għawdex semmewha Mdina. Għad baqa’ triq li jisimha “Triq Bieb l-Imdina”  bħala tifkira ta’ dan l-isem.

Fl-1551 il-kursar Dragut b’10,000 ruħ ħarbat lil Malta . Baqa’ sejjer Għawdex fejn rebaħ iċ-Ċittadella u ħa lill-Għawdxin kollha bħala lsiera. Ħalla biss lix-xjuħ u xi ftit żmagati. Is-swar taċ-Ċittadella kienu dgħajfa u kien hemm biss bumbardier wieħed.

Il-Katidral li hemm fiċ-Ċittadella huwa iddedikat lil Santa Marija u jissejjaħ ukoll il-Matriċi. Dan għax minnu ħarġu l-parroċċi l-oħra t’ Għawdex. Il-Katidral huwa mibni fuq stil Barokk. Il-pjanti saru mill-perit Lorenzo Gafa`. Inbena bejn l-1696 u l-1711. Kien żmien il-Kavallieri. Fl-1693 terremot qawwi kien waqqa’ saħansitra l-koppla tal-Katidral l-antik.

             copyright: Tony Pace