Il-Knisja ta’ San Girgor fiż-Żejtun:

Iż-Żejtun kien ġa jeżisti bħala parroċċa fl-1536. Fil-lista ta’ parroċċi ta’ l-Isqof Senatore de Mello (ta’ l-1536), il-parroċċa taż-Żejtun iddedikata lil Sta Katarina hija msemmija. Il-bini li jidher illum, magħruf bħala l-Knisja ta’ San Girgor, huwa fil-fatt knisja iddedikata lil Sta Katarina.

Il-bini li jidher illum ma nbeniex kollu f’daqqa. Fil-fatt biċċa minnu nbena fil-15-il seklu filwaqt li partijiet oħra nbnew fis-16-il seklu. Illum din il-Knisja Medjevali hija magħrufa bħala l-Knisja ta’ San Girgor.

Fl-antik kienet issir festa lil San Gregorju l-Kbir fit-12 ta’ Marzu ta’ kull sena. Hawnhekk kienet tasal purċissjoni mill-inħawi ta’ Malta kollha. Fil-knisja nsibu altar iddedikat lil San Girgor, filwaqt li quddiem il-knisja nsibu wkoll l-istatwa ta’ l-istess qaddis, Gregorju Manju (Gregorju l-Kbir: ara ritratt lemin).

Għal tliet sekli sħaħ, din il-knisja serviet bħala parroċċa għall-inħawi kollha li nsibu fix-xlokk ta’ Malta. Il-knisja oriġinali mibnija fuq stil Sikulu-Normann ma għadhiex teżisti, imma jidher bini stil gotiku u romanesk. Il-koppla hija l-eqdem waħda li wieħed għadu jista’ jara f’Malta.

Il-ħbit mill-kursara ta’ l-1614 għadu mfakkar permezz ta’ iskrizzjoni fuq wieħed mill-pilastri tal-knisja. F’dan il-ħbit, il-knisja sofriet ħsarat kbar. Passaġġi sigrieta mibnija ġol-ħitan ħoxnin tal-knisja jagħtu iwassluk għal tieqa żgħira minn fejn wieħed jista’ jara sew kemm il-bajja ta’ Marsaxlokk kif ukoll dik ta’ Wied il-Għajn. Dawn iż-żewġ bajjiet kienu spiss jintużaw mill-furbana (pirati u sibbien) biex jinżlu fuq il-Gżejjer Maltin.

Il-Knisja ta’ San Girgor serviet bħala sptar għall-Maltin feruti fil-ġlied kontra l-Franċiżi bejn l-1798 u l-1800. Refuġjati mill-Kottonera stkennew fiha matul l-aħħar gwerra dinjija.

Illum  fil-qrib insibu dar għall-anzjani kif ukoll qasam tad-djar. Il-Knisja ta’ San Girgor qiegħda terġa’ taqdi l-bżonnijiet pastorali tal-poplu Żejtuni.

(Ara iktar ritratti tal-Knisja ta' San Girgor)

(Aqra dwar il-festa ta' San Girgor)