Il-Kappella ta' Ħal Millieri: limiti taż-Żurrieq -

Fdal Medjevali importanti ħafna li nsibu f'artna hija l-kappella medjevali ta' Ħal Millieri li tinsab qrib il-Qrendi u l-Imqabba, pero` fil-limiti taż-Żurrieq. F'Ħal Millieri nsibu affreski li huma tassew impressjonanti.

Għaliex ir-raħal mitluf ta' Ħal Millieri huwa forsi l-iktar wieħed li jissemma minn tant irħula oħra Maltin, illum kollha abbandunati? Probabbli minħabba l-ktieb ĦAL MILLIERI: A MALTESE CASALE AND ITS PAINTINGS ta' Dr Godfrey Wettinger. L-awtur jagħti l-ħajja lil dan ir-raħal mitluf permezz ta' riċerka ibbażata l-aktar fuq dokumenti antiki ta' nutara Maltin.

Skizz tal-kappella ta' Ħal Millieri minn Sean Carabott - skola F.X Attard Marsa
il-kappella tal-Lunzjata ta' Ħal Millieri kif tidher illum
Fil-kappella tal-Lunzjata ta' Ħal Millieri, instabu anke affreski Medjevali. Affreski huma pitturi maħduma direttament fuq il-ħitan tal-kappella. L-għaqda volontarja DIN L-ART ĦELWA irrestawrat il-kappella u l-affreski ta' Ħal Millieri, li llum wieħed jista' jmur, igawdi u jammira.

affreski fil-kappella ta' Ħal Millieri

Il-Kappella tal-Lunzjata ta’ Ħal Millieri tagħmel parti mill-parroċċa taż-Żurrieq. Maġenbha nsibu kappella oħra, dik iddedikata lil San Ġwann Evanġelista. Maġenb il-kappella ta’ San Ġwann wieħed għadu jista’ jara salib tad-dejma.

Ħal Millieri kien raħal medjevali li probabbli nbena fuq villa rustika Rumana. L-aqwa ta’ dar-raħal kien fis-16 u s-17-il seklu. F’dan iż-żmien Ħal Millieri kellu erba’ kappelli u popolazzjoni ta’ madwar 80 jew 90 ruħ. Ħal Millieri ġie abbandunat kompletament sa nofs it-18-il seklu (żmien il-kavallieri). Il-popolazzjoni ta’ Ħal Millieri fittxet kenn fl-irħula tal-viċin.

il-kappella ta' Ħal Millieri minn ġewwa; il-paviment jinsab ftit 'l isfel mil-livell tat-triq

Il-kappella tal-Lunzjata inbniet għall-ħabta ta’ l-1450, probabbli fuq is-sit ta’ kappella oħra medjevali. Il-karatteristiċi tal-kappella tal-Lunzjata huma tipikament medjevali: paviment ftit ’l isfel mil-livell ta’ l-art, maqsuma f’ħames taqsimiet permezz ta’ arkati ġejjin għall-ponta, oqbra, bankijiet tal-ġebel fil-ġnub, affreski, graffitti, kollox jagħmel lil Ħal Millieri teżor uniku. Din l-Art Ħelwa, għaqda volontarja, ilha nkarigata mir-restawr u l-manutenzjoni tal-kappella sa mill-1968. Kienu ż-żgħażagħ ta’ din l-għaqda li naddfu l-kappella u wittew it-triq biex jiġu rerstwrati l-affreski li fiha. Dawn l-affreski kellhom diversi qxur ta’ tibjid fuqhom. Fl-affreski (li jikkonsistu f’numru ta’ appostli) wieħed jinnota influwenzi Biżantini u Romaneski. Probabbli dawn it-tpenġijiet huma kopja ta’ pitturi oħra li kien hemm fil-kappella tat-13-il seklu.

 

 

L-entratura għall-Kappella ta' Ħal Millieri. Il-kappella qiegħda fuq in-naħa ta' ġewwa.

 

 

 

Plakka hekk kif tidħol Ħal Millieri. Il-Kappella hija taħt il-kra ta' DIN L-ART ĦELWA.

 

 

Kull sena issir il-festa ta’ Ħal Millieri fl-eqred ħadd tal-Lunzjata (25 ta’ Marzu). Ir-restawr u l-manutenzjoni tal-kappella tal-Lunzjata ta’ Ħal Millieri huma iffinazjati mill-Fondazzjoni Farsons.
informazzjoni dwar Ħal Millieri – mill-fuljett maħruġ minn Din l-Art Ħelwa.