L-IMDINA: Citta` Notabile – Citta` Vecchia

L-għolja li fuqha hija mibnija l-Imdina serviet bħala s-sit tal-belt ewlenija ta’ Malta sa minn żmien il-Feniċi. Il-Feniċi kienu f’Malta minn c.a. 800 q.K. sa 500 q.K. Ir-Rumani rebħu l-Gżejjer Maltin fis-sena 218 q.K. Lill-belt ewlenija sejħulha Civitas Melitense. Fi Żmien ir-Rumani il-ħajt ta’ dil-belt kien jinkludi biċċa mir-Rabat.

Ma nafux eżatt min ċekken il-belt ewlenija ta’ Malta. Konna nemmnu li l-Għarab ċekknu l-Imdina u ħaffru l-foss ta’ madwarha wara s-sena 870w.K. imma hemm probabbilta` li din il-biċċa xogħol saret mill-Biżantini. L-Għarab semmewha Medina (li bl-Għarbi tfisser belt fortizza).

Sa l-1530 l-Imdina baqgħet il-belt kapitali ta’ Malta. L-Imdina kienet iċ-ċentru amministrattiv u kulturali tal-gżira fiż-żminijiet medjevali. Fl-Imdina kien joqgħod il-ħakem, il-ġurati (speċi ta’ mħallfin), in-nobbli Maltin u l-ftit professjonisti ta’ dak iż-żmien. Fl-Imdina wieħed kien isib il-katidral, il-qorti u l-isbaħ palazzi ta’ l-għonja Maltin. Fi żmien ta’ ħbit spiss mill-furbani, fl-Imdina kienu jistkennu l-Maltin ta’ l-irħula. Dawn kienu jidħlu jistkennu wara s-swar tagħha sakemm jgħaddi l-periklu. Eżempju ta’ ħbit bħal dan kien dak ta’ l-1429 meta qawwa mit-Tuneżija attakkat il-gżejjer. Il-kursar Tork Dragut ħabat għall-Imdina fl-1551. Fl-Assedju l-Kbir ta’ l-1565 kien meqjus żball il-fatt li t-Torok ma attakkawx l-ewwel lill-Imdina.

Meta l-Kavallieri ġew Malta fl-1530 huma għażlu l-Birgu bħala l-belt kapitali tagħhom.

Allura l-importanza ta’ l-Imdina naqset ħafna. 

F’dan iż-żmien l-Imdina bdiet tissejjaħ Citta` Notabile jew Citta` Vecchia. Il-belt kapitali l-ġdida saret il-Belt Valletta wara l-1566. Matul il-ħakma tal-Kavallieri l-Imdina bdiet titbattal min-nies li telqu jgħixu fil-Belt Valletta, fil-Kottonera jew f’irħula oħra.

  • Fl-1500 kien hemm madwar 1200 ruħ joqogħdu fl-Imdina
  • Fl-1700 in-numru niżel għal madwar 600.

Ħafna bini beda jiġi abbandunat. Fl-1693 terremot qawwi laqat lil Malta . Fl-Imdina saret ħerba. Anke l-Katidral iġġarraf. Bejn l-1722-1733 fi żmien il-Granmastru Manoel de Vilhena il-kavallieri mexxew programm sħiħ ta’ restawr fl-Imdina. Il-perit li ħa ħsieb dan ir-restawr kien il-Franċiż Francois de Mondion. Il-bini li tela’ ġdid fl-Imdina kien fuq stil Barokk.

Avveniment importanti li seħħ fl-Imdina kien dak tat-2 ta’ Settembru 1798. Dakinhar beda l-irvell tal-Maltin kontra l-ħakma tal-Franċiżi.

Plakka ta' l-irħam mat-Torri ta' l-Istandard; tfakkar il-qawmien tal-Maltin kontra l-Franċiżi fit-2 ta' Settembru 1978.

Illum l-Imdina hija magħrufa bħala l-Belt Siekta. Il-kwiet, in-nuqqas ta’ traffiku, l-isqaqien dojoq u mgħawġin, il-bini fuq stil antik, kollha jagħmlu l-Imdina belt medjevali.

Bosta turisti kuljum iżuru l-Imdina.

<><><><><><><><><><><><><><><><><><><><><><><><><><><>

Xi ritratti u tagħrif dwar bini importanti li jinsab fl-Imdina:

Bieb il-Griegi (illum fuq stil Barokk) – restawrat fl-1724; il-bieb l-antik li kien jintuża fis-seklu 15. Is-swar madwar l-Imdina (stil Barokk) – restawrati fl-1722 mill-arkitett Mondion

Is-swar madwar l-Imdina (stil Barokk) – restawrati fl-1722 minn Mondion; min ċekken l-Imdina u ħaffer il-foss ta' madwarha? L-Għarab jew il-Biżantini? Biċċa xogħol għall-istudjużi.

MDINA - illum magħrufa bħala il-BELT SIEKTA.

Il-Katidral (stil Barokk) – inbena bejn l-1697-1711; iddedikat lil San Pawl; perit kien Lorenzo Gafa`; ta’ qablu iġġarraf bit-terremot ta’ l-1693.

Il-Mużew tal-Katidral (stil Barokk) – inbena 1733 mill-perit Mondion; serva bħala s-Seminarju għal bosta snin; minbarra pitturi antiki insibu arkivjati dokumenti ta' l-Inkwiżizzjoni u bosta manuskritti mużikali ta' kompożituri Maltin bħal Paolo u Antonio Nani u Carmelo Pace.  
Il-Kappella tal-Karmnu (stil Barokk) – mibnija 1659; hawnhekk bdiet ir-rewwixta tal-Maltin kontra l-Franċiżi fl-1798.  

 

Id-Dar Normanna (stil Siculo-Normann) – mibnija c.a. 1500; magħrufa wkoll bħala Palazzo Falson.

Il-Qorti Kapitanali (stil Barokk) – inbniet 1730; perit kien Mondion; kienet il-qorti tal-Kaptan tal-Virga sa l-1818; illum l-istess bini jintuża mill-Kunsill Lokali ta’ l-Imdina.  
It-Torri ta’ l-Istandard (stil Barokk) – restawrat fl-1724; kien jintuża mill-għassiesa tal-bieb; illum iservi bħala għassa tal-pulizija.  
Il-Palazz ta’ Vilhena (stil Barokk) – mibni 1730; perit Mondion; kien il-Palazz tal-Granmastri għas-sajf. Illum il-Mużew ta’ l-Istorja Naturali.  

Il-Bieb Prinċipali (stil Barokk) – restawrat fl-1724 mill-arkitett Mondion....................

Xi bini ieħor:

  • Il-Banca Giuratale (stil Barokk) – inbniet 1730; perit Mondion; kien il-qorti tal-Giurati sa l-1818; illum jintuża bħala parti mill-Arkivji Nazzjonali.
  • Il-Monasteru u l-Kappella ta’ San Pietru (stil Barokk) – tas-sorijiet Benedittini li kienu l-ewwel sorijiet li ġew Malta fl-1418

Ara wkoll: Ir-Restawr ta' l-Imdina minn Francois Mondion <>