|
L-Għar il-Kbir -
kitba - Tony Pace;
ritratti - Joseph Micallef
|
|
L-Għar il-Kbir jinsab fil-limiti ta’ Ħad-Dingli, mhux bogħod mill-cart ruts ta’ Clapham Junction u lanqas wisq bogħod mill-Buskett. Fil-passat dan il-għar kien joffri abitazzjoni lil numru ta’ familji Maltin. Xi barranin li żaru Malta, kitbu kif l-abitanti ta’ l-Għar il-Kbir tant kienu marbutin mal-ħajja tagħhom fl-għar, li kienu jiddejqu meta jkollhom bżonn joħorġu minnu ħalli jmorru xi qadja. Nies li jgħixu fl-għerien jissejħu TROGLODITI.
Ma sibniex tpenġija fl-għerien imma hemm xogħol bl-użu tal-ġebla Maltija: ħofor fis-saqaf, kanali, xkafef u niċeċ. (Fir-ritratt tidher xena mill-Għar il-Kbir kif jidher illum) Ma nafux meta l-Maltin marru jgħixu fl-Għar il-Kbir għall-ewwel darba. Fl-1544 tissemma persuna ‘Simone Camilleri ta’ l-Għar il-Kbir’. Ġan Franġisk Abela, li kiteb l-ewwel storja ta’ Malta, jinkludi l-Għar il-Kbir bħala post ta’ abitazzjoni, daqs li kieku kien xi raħal komuni. Abela jiddeskrivi l-Għar bħala Għar Kbir fejn jgħixu 117-il ruħ, imqassma f’27 familja. Abela jiddeskrivi dawn l-abitanti bħala rgħajja, jieħdu ħsieb in-nagħaġ.
Nistgħu nikkonkludu li l-abitanti ta’ l-Għar il-Kbir kienu nies komuni, nies bħal dawk li wieħed seta' jiltaqa' magħhom fl-irħula l-oħra Maltin u Għawdxin. Ara iktar RITRATTI ta' l-Għar il-Kbir (<>) |
| Aqra artiklu bl-Ingliż dwar l-Għar il-Kbir; awtur: Keith Buhagiar (<>) |