L-Istorja ta’ l-Irħama “Non Gode….” mal-Knejjes tal-Kampanja u l-Immunità Ekkleżjastika

 

riċerka u kitba ta' GUIDO LANFRANCO (dan l-artiklu ġie ppublikat  fil-fuljett tal-Festa San Ġorġ, 2006 mill-Għaqda Mużikali Aniċi, Qormi)

Non Gode l-Immunita Ecclesias ..... L-Immunita Ekklezjastika ... knejjes fil-kampanja Maltija

Mal-faċċata tal-knejjes ċkejkna tal-kampanja għadna naraw irħama bil-kliem bit-Taljan: NON GODE L’IMMUNITÀ ECCLESIAS. Din tfisser li dik il-knisja ma tgawdix l-immunità jew protezzjoni tal-Knisja. Qed ngħid knejjes minflok kappelli għax tabilħaqq il-kelma kappella, mijiet ta’ snin ilu, kienet tkun riservata għal dawk il-knejjes ċkejknin li kienu mibnijin imissu mal-knisja prinċipali u jniffduhom magħha, jew li kienu jinsabu fil-palazzi, torrijiet u l-fortifikazzjonijijet.  Dawn kienu jkunu ta’ familji privati, ta’ l-armata jew ta’ xi xirkiet.  Biż-żmien żviluppaw separatament bħala knejjes żgħar u f’kappelluni u altari tal-ġnub fil-knejjes kbar. L-irħama tan-“non gode” nistennewha normalment mal-faċċata tal-knejjes konċernati imma nsibu eċċezzjonijiet bħalma naraw waħda ħdejn il-bieb tat-torri ta’ San Luċjanu li ġewwa kellu l-kappella u fil-knisja ta’ Santa Margerita ta’ Burmarrad ħdejn Wied Għajn Riħana li għandha l-irħama ġewwa għax, meta bnewlha l-faċċata l-ġdida aktar 'il barra biex kabbruha, l-irħama ħallewha fejn kienet.

(fir-ritratt tax-xellug tidher il-knisja ta' San Mattew tal-Maqluba, fil-limiti tar-raħal tal-Qrendi; fir-ritratt tal-lemin tidher l-irħama NON GODE mal-faċċata ta' l-istess knisja)

X’kienet l-immunità?

Għal mijiet ta’ snin il-Knisja Kattolika u r-Renjanti Ewropej kellhom il-proprjetà tagħhom f’għamla ta’ artijiet, bini u nies impjegati jew familjari tagħhom.  Hawn Malta fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann kellna tliet awtoritajiet ta’ din ix-xorta li kien l-istess Kavallieri li jirrenjaw fuq il-poplu Malti, l-Isqof li jirrappreżenta l-Knisja ta’ Malta u l-Inkwiżitur li kien jirrappreżenta lill-Papa.  It-tlieta kellhom il-qorti u l-ħabs tagħhom, palazzi, knejjes, bini, impjegati u familjari privileġġjati u allaħares wieħed jirfes fuq l-ieħor bla permess jew jaġixxi kontra xi impjegat, membru jew familjar li mhux tiegħu.  Din is-sitwazzjoni bilfors kienet iġġib ħafna tilwim bejniethom u, billi t-tlieta kienu ta’ bażi reliġjuża, it-tlieta kienu jappellaw Ruma biex jaqgħu l-kwistjonijiet.   L-Isqof Gaspare Gori Mancini kien mar Ruma biex jiddefendi l-immunità tiegħu f’waħda mill-kwistjoniejt u spiċċa miet hemm.{1} Imma, biex tikkumplika aktar il-biċċa, il-Knisja ta’ Ruma kienet daħħlet il-kunċett ta’ l-immunità, bi ftehim mar-renjanti taż-żmien li bih il-Knisja u n-nies kollha assoċjati magħha kellhom il-privileġġi tagħhom, fosthom li l-awtorità ċivili ma setgħetx tirregola jew tixli lill-membri tagħha.  Kien hemm għadd ġmielu ta’ Maltin li kienu jidħlu kjeriċi minuri, jiġifieri bħal qassisin li ma jamministrawx is-sagramenti, u bosta kienu wkoll miżżewġin, biex jeħilsu mid-dmirijiet sekulari ta’ lieva u obbligi oħra ta’ għassa, difiża u qrati.{2} Ukoll is-sagristani ta’ ċerti knejjes tal-kampanja kienu jgawdu immunità fil-konfront ta’ l-obbligi ċivili jekk il-knisja li kienu jżommu kien  ikollha mill-anqas żewġ quddisiet fil-ġimgħa. Għall-knisja ta’ San Filippu u San Ġakbu limiti tan-Naxxar, ma kienx instab sagristan malajr għax fiha kienet issir quddiesa waħda biss, għalhekk is-sagristan ma kienux ikollu privileġġi.{3}

Kriminali protetti

Dan kollu ġa kien ta’ xkiel kbir biżżejjed għall-amministrazzjoni ta’ żmien l-Ordni, imma l-Knisja ta’ Ruma kellha ħaġ’oħra li kompliet żiedet ma’ dan il-għawġ.  Sa mill-Medju Evu l-poplu  ta’ l-Ewropa, inkluża Malta, kienu jbati ħafna taħt ir-renjanti, sidien u awtoritajiet assoluti oħra fuq l-art u l-baħar.  Nies ta’ kull xorta għal kull ħaġa ta’ xejn kienu jkunu torturati, mixħutin il-ħabs jew kundannati għall-mewt.  Il-Knisja ta’ Ruma espandiet il-kunċett ta’ immunità billi ddeċidiet li kull min jaħrab minn idejn il-liġi, mill-ħabsijiet, mix-xwieni u galeri, skjavitù u sitwazzjonijiet oħra, u jidħol f’art jew f’bini tal-Knisja, inklużi l-knejjes, sptarijiet, kunventi, dan ħadd ma jkun jista’ għalih, u lanqas jista’ jinħareġ bil-forza mill-awtorità lajka.

Bħala prinċipju ma kinitx idea ħażina, anzi kienet att ta’ karità mal-batut ġenwin li jaħrab mill-moħqrija, imma l-bniedem kif inhu mis-sebgħa jieħu l-id u bdew jidħlu jistkennu fil-knejjes tal-kampanja u wkoll parrokkjali mhux biss il-batuti, imma wkoll il-kriminali qattiela, ħallelin u oħrajn biex jaħarbu mill-ġustizzja.  Kieku ma kienx hawn ħafna knejjes il-problema kienet tkun inqas, imma kien hawn aktar minn 300 knisja u dan kollu ggrava bil-kbir is-sitwazzjoni tal-pajjiż tant li nħolqot diżordni u anarkija li ma setgħetx tinħall malajr.{4} Diversi papiet ippruvaw jikkontrollaw din il-problema, bħal Girgor XIV, Beneditt XIII u Klement XII, billi illimitaw l-immunità ekklesjastika għal każi li mhumiex gravi biex ma jipproteġux il-kriminal (crimina excepta), imma xorta baqgħu ħafna konflitti.{5} Għalkemm kulħadd kien jammetti li din l-immunità esaġerata kienet tinħtieg titrażżan, it-tliet awtoritajiet f’Malta baqgħu jinsistu u jippikaw fuq id-drittijiet u l-privileġġi.  Ukoll meta wieħed bonavolja nħareġ b’forza mill-uffiċjali ta’ l-Ordni mill-grotta ta’ San Pawl tar-Rabat, l-Isqof ipprotesta.{6} L-Ordni sikwit kienet tikser din l-immunita tal-knisja għaż-żamma ta’ l-ordini f’każi estremi u perili meta ma kienx hemm triq oħra; ukoll l-Inkwiżitur jipprotesta ma' l-Ordni meta kienu jarrestaw kriminali minn knejjes.{7} Inkiteb ukoll li jekk xi ħadd maħrub jieqaf taħt niċċa jew statwa tat-toroq kien igawdi l-immunità tal-knisja fil-konfront ta’ l-awtorità lajka. {8} L-isptar ta’ l-Ordni jew is-sacra infermeria  tal-Belt kienet ukoll tgawdi l-privileġġ ta’ santwarju jew immunità mil-liġi, ħlief f’każi ta’ qtil, u uħud mir-refuġjati kienu jinżammu hemm sakemm ikunu jistgħu iħarrbuhom fuq xi bastiment. {9} Il-Knisja ta’ Nibbia qrib l-Infermerija tal-Belt kienet tgawdi l-immunità imma kienet daħlet f’tilwim bejn l-Ordni u l-Knisja biex fl-1761 tilfet il-privileġġ għal xi sena. {10}

Immunità pikuża u ta’ tfixkil

(fir-ritratt tax-xellug tidher il-knisja fil-wied Tal-Lunzjata, Kerċem Għawdex; fir-ritratt tal-lemin tidher l-irħama NON GODE mal-faċċata ta' l-istess knisja)

Fl-1674, il-Gran Mastru kien talab lill-Isqof biex iħalli n-nies tiegħu jidħlu fil-knisja tal-Karmnu tal-Birgu biex jaqbdu lil wieħed li kien maħrub minn bastiment suspettat bil-pesta waqt kwarantina.  Ukoll jekk dan kien jidher sew li hu każ urġenti u serju, l-isqof ħadha bil-lajma u dam tliet xhur biex tah il-permess!{11} L-Isqof Alferan ukoll kellu hu stess jitlob il-permess tal-Kongregazzjoni tal-Privileġġi biex jista’ joħroġ mill-knejjes refuġjati bil-pesta biex jgħaddihom lis-sanita!{12} Fl-istess knisja tal-Karmnu tal-Birgu, raġel kien ħarab mill-ħabs ta’ l-Inkwiżitur.  Meta l-Inkwiżitur ried jieħdu lura il-Kurja ma ħallitux u meta appella lill-Kongregazzjoni ta’ Ruma ordnawlu biex lil dan ir-raġel iħallih hemm.{13} Il-kotra ta’ l-iskjavi ma kinux Insara imma uħud minnhom kienu jgħidu li jridu jikkonvertu biex ikollhom xi privileġġi.  Fis-seklu dsatax il-konslu Ingliż huwa rrappurtat li kien imur jiċċekkja mal-kunventi ta’ Santa Tereża ta’ Bormla u ma’ tad-Dumnikani t al-Belt biex jara kienx hemm baħrin Ingliżi maħrubin minn fuq il-bastimenti.  Biex jibqgħu fil-kenn dawn kienu jgħidu li kienu jridu jikkonvertu.{14}

Fl-1765 il-Gran Mastru Pinto llitika ma’ l-Inkwiżitur għax skjavi minn tiegħu ħarbu u marru jieħdu kenn il-Birgu bl-iskuża li riedu jsiru Nsara.{15} Il-ħafna knejjes imxerrdin mal-kampanja ġa kienu qed jinkuraġġixxu protezzjoni ta’ kriminali, imma bis-saħħa tal-crimina excepta l-isqof kien jista’ joħroġhom u jixlihom fil-qorti tiegħu u jekk isibhom ħatja jgħaddihom lill-awtoritajiet lajċi. Madankollu l-akkużat kellu l-faċilità li japella lill-Kongregazzjoni ta’ l-Immunità f’Ruma u l-każ kien idum iġebbed ix-xhur fost ħafna tilwim bejn il-mexxejja.{16} Fl-1620 il-knisja ta’ San Ġwann fiċ-ċimiterju tar-Rabat t’Għawdex kienet inbniet mill-ġdid.  Sikwit kienu jistkennu fiha l-ħallelin għax kienet tgawdi l-immunità ekkleżjastika.  Fl-1639 wieħed qatel lil martu u mar fiha għall-protezzjoni u ħadd ma seta’ jagħmillu xejn.  Saħansitra kienu jmorru l-ħbieb jiħdulu l-ikel!  Dawn il-kriminali apertament jgħixu fiċ-ċimiterju u l-knisja kienu jisfidaw l-awtorità taħt il-protezzjoni tal-knisja.  Fl-1640, il-Gvernatur f’Għawdex ħareġ bandu bid-daqq tat-trumbetta biex javża li kull min jinqabad jieħu l-ikel lil dawn il-kriminali kien jeħel multa jew qdif fuq il-galeri.{17}

Il-Granmastru Lascaris ukoll kien ilmenta dwar iż-żieda ta’ kriminalità minħabba l-immunitàli bosta drabi kienet pikuża u estrema.  Is-sagristija tal-knisja ta’ Portu Salvu ta’ l-Isla kienet saret mandra bil-majjali.  Wieħed maħrub mill-galeri mar jistaħba fiha. Meta nqabad u ttieħed lura l-isqof ipprotesta għax dik ukoll kienet santwarju!{18} Il-Granmastru Pinto kellu l-problemi!  Gruppi ta' kriminali kienu mifruxin fil-knejjes tal-kampanja bil-kumdità kollha  qishom liberi, saħansitra bin-nisa għall-kumpanija! Nies privileġġjati (mhux reliġjużi) bl-immunità tal-knisja kien hemm xi 6000, xi 200 minnhom ma’ l-Inkwiżitur.{19} Mhux ta’ b’xejn li kultant Pintu kien jinjora l-privileġġi u jagħmel ta’ rasu.  Każ magħruf huwa dak ta’ l-1775 tar-rewwixta tal-qassisin kontra l-Ordni, meta hawn l-awtorità lajka tal-gvern ta’ l-Ordni kellha bilfors tieħu passi kontra l-ekkleżjastiċi.{20} Fis-seklu tmintax, meta l-kriminalità kinet fl-aqwa tagħha, sitt irġiel maħrubin marru biex jistkennu fil-knisja parrokkjali l-qadima ta’ Birkirkara imma billi sabuha magħluqa inqabdu, imma gibdu ma’ l-awtoriatijiet tal-Knisja u akkużaw lis-suldati li kienu qabduhom meta kienu fil-knisja.{21} Ukoll meta din il-knisja kienet abbandunata u mtliet kriminali jabitaw fiha, grupp minnhom ħarbu biex jisirqu mal-lejl imma rawhom is-suldati ta’ l-għassa, sparaw fuqhom, qabdu wieħed u qatlu ieħor; Pinto ordna li ras il-mejjet titwaħħal fuq kolonna bejn Birkirkara u Ħal-Lija.{22}

Fl-1777 il-Granmastru De Rohan talab Ruma biex ikun jista’ joħroġ mill-knejjes suldati, forzati, skjavi, bonavolja u oħrajn maħrubin, imma l-Kongregazzjoni ta’ l-Immunità rrifjutat it-talba tiegħu.{23} Hu kien illimita l-immunità għal ksur minimu tal-liġi.{24}

Eżempji ta’ refuġjati

(fir-ritratt tax-xellug tidher il-knisja f'Wied il-Għasel, limiti tal-Mosta; fir-ritratt tal-lemin tidher l-irħama NON GODE mal-faċċata ta' l-istess knisja)

Fl-1667 fl-Imdina, wieħed korra lil monsinjur tal-Katidral u mar jiġri jistkenn fil-knisja tal-Karmelitani għal diversi jiem. Sikwit kien joħroġ dawra u fi triqtu jistkenn ukoll fil-knisja tas-Salvatur, dejjem fl-Imdina. Meta darba kien barra ħdejn il-knisja tas-Salvatur qabduh l-isbirri, imma hu ipprotesta għax meta qabduh kien qed iżomm b’idu mal-ħajt tal-knisja!{25}

Uħud mir-refuġjati kienu jdumu fit-tul f’xi knisja biex ma jinqabdux.  Wieħed kien dam diversi snin fil-knisja ta’ Santa Luċija tan-Naxxar sakemm ħarab lejn Sqallija; wara kien bagħat qanpiena tal-bronż bħala ringrazzjament.{26} Fl-1741 wieħed qattiel f’Għawdex daħal refuġjat fi knisja u dam hemm 30 sena; imma ieħor dam igawdi l-immunità għal 48 sena!{27}

Fil-karnival tal-1639, il-Granmastru ma riedx li l-kavallieri żgħażagħ idaħħlu wkoll lin-nisa għal serata divertiment u qal li l-ewwel ried jitlob il-parir tal-Ġiżwita konfessur tiegħu. Dan il-Ġiżwita qabel mal-granmastru.  Wieħed kavallier libes ta’ Ġiżwita u waħħal tabella kliem kontrihom u l-Granmastru arrestah f’Sant Jiermu.  Għalhekk klikka kavallieri akkaniti marru jħabbtu l-bieb tal-Ġiżwiti imma billi ma fetħulhomx sfrundaw il-bieb u daħlu ġewwa jkissru u jixħtu barra kulma ġie għal idejhom.  Il-Ġizwiti daħlu jistkennu fil-knisja tagħhom sakemm l-Ordni eskortathom barra minn Malta.{28}

Fl-1745 wieħed qattiel ġie arrestat waqt li kien fi knisja.  L-Isqof ipprotesta u appella mal-Papa li aċċetta li l-qattiel jibqa’ arrestat għal għomru fil-ħabs ta’ l-Imdina.  Wara xi għaxar snin appella Ruma.  Għaddew is-snin u xeħtuh fil-ħabs ta’ l-Inkwiżitur.  Wara aktar snin ġie eżiljat l-Italja biex ma jerġax imur fil-Ħabs ta’ l-Ordni fejn kien ikompli jiġi maħqur.{29}

Fl-istess seklu kien hemm dejjem konflitti wkoll bejn in-nobbli u l-Ordni ta’ San Ġwann dwar privileġġi, titoli u drittijiet u hemm diversi każi fejn xi nobbli ħa kenn fi knisja. Barunissa bint il-markiż Testaferrata kienet daħlet f’xi kwistjoni u meta ġew għaliha biex tidher fil-qorti tal-Gran Mastru marret ħadet refuġju fil-knisja ta’ San Pawl tal-Belt.{30}

Fl-1773 wieħed qassis arluġġar li kien joqgħod fil-Kamerata l-Belt, u li kellu ħafna dejn, irranġa li jistaħba ġo altar mobbli li jingħalaq qisu biċċa għamara u jinġarr fuq karrettun lejn il-kunvent ta’ Santa Tereża ta’ Bormla għall-kenn immunitarju.{31} Ħafna skultura dekorattiva sabiħa fil-ġebel tal-knisja parrokkjali l-antika tax-Xewkija jingħad li saret minn żewġ Sqallin li ħarbu lejn Malta u waqt li ħadu refuġju bl-immunità tal-knisja fix-Xewkija ħadmu dak ix-xogħol b’radd ta’ ħajr.{32}

Fil-karnival tal-1752 ħalliel li seraq minn diversi ħwienet mar jistaħba fil-knisja ta’ l-Erwieħ il-Belt, imma tant kien hemm serq dik il-ħabta li l-Isqof ordna li dan jingħata f’idejn il-qrati ta’ l-Ordni.{33}

Bl-arroganza ta’ l-Ordni, żagħżugħ kien ilu s-snin jiġi sfurzat kontra r-rieda  tiegħu biex isir kappillan konventawli; meta ma riedx xeħtuh fil-ħabs ta’ Sant Jiermu.  Ħarab u mar fil-knisja ta’ San Franġisk il-Belt.  Il-Granmastru arrestah mill-ġdid għal Sant Jiermu.  Fl-1768 reġa’ ħarab u stkenn fil-Knisja ta’ Sant’Anna fl-istess fortizza.  Inqabad mill-ġdid u tefgħuh f’ħofra.  Sas-sena ta’ wara ħaffer toqba fil-ġenb b’xi biċċa ħadida u ħarab lejn il-Birgu għall-immunità ta’ l-Inkwiżitur.  Sadattant sar appell lill-Papa li dam sejjer tant li miet il-Papa u tela’ ieħor.  Il-biċċa baqgħet tkaxkar is-snin sakemm eskortawh eżiljat f’pajjiż barrani.{34}

Tispiċċa l-Immunità

Fl-1759 il-Granmastru Pinto informa 'l Papa li l-kriminali refuġjati fil-knejjes kienu qed ixekklu l-liġi u jżidu d-delitti, u ssuġġerixxa li l-immunità għandha tkun biss fil-knejjes fejn jinżamm is-sagrament u li jsir xi ħaġa biex tinstab soluzzjoni għal din il-problema hekk serja.  F’dan anke l-Inkwiżitur Passionei qabel ma’ Pinto.{35} Il-Papa ta struzzjonijiet lill-Isqof Rull biex lill-kriminali fil-knejjes jagħtihom tlett ijiem żmien biex jaħarbu mill-knejjes jew imorru l-ħabs ta’ l-Isqof.  F’Ħal Qormi kien hemm klikka kriminali refuġjati li dejqu u beżżgħu lin-nies u l-Isqof ried jittrasferihom fi knisja oħra, imma Pintu ssuġġerielu jibgħathom jaqdfu fuq il-galeri.{36} Fl-1761, (fi żmien meta fil-gżejjer ċkejkna tagħna kien hawn 327 knisja!) l-Isqof irċieva struzzjonijiet minn Ruma biex jirrestrinġi l-immunità għall-knejjes li fihom is-Sagrament.  Ir-refuġjati ngħataw ġimagħtejn żmien biex jitolbu lill-Isqof jittrasferihom fi knisja oħra.  L-editt ta’ l-Isqof ried li fuq il-bieb ta’ madwar 255 knisja żgħira li tilfu l-privileġġ tissammar plakka ta’ l-injam bin-‘non gode...’.  Imma nstab li kien hemm xi ntoppi, għax il-knisja żgħira tad-Duluri li hemm f’Ħaż-Żebbuġ ma kinitx tal-knisja imma ġuspatronat lajkali affiljata ma’ dik tal-lateran.  Għalhekk l-Isqof ħareġ editt ieħor f’Ġunju 1762 biex dawk il-knejjes tal-Bliet u l-irħula li għadhom frekwentati sewwa jibqgħalhom l-immunità u spiċċa biex xi 90 biss tilfu l-privileġġ.{37} Fl-1764 il-Papa abolixxa l-immunità fil-każi ta’ delitti serji.{38} Bil-motu proprio tal-25 ta’ Ġunju 1777 il-Papa Piju VI għamel aktar restrizzjonijiet fl-immunità, fost oħrajn lill-kjeriċi li baqgħu ħielsa mit-tribunali lajċi imma hux il-mara u t-tfal tagħhom.  L-immunità kienet tapplika biss għall-knejjes parrokkjali u dawk li fihom is-Sagrament u għar-residenzi tal-kappillani u qassisin.  Il-maġistrat ingħata d-dritt li jarresta individwi waqt ir-refuġju imma bil-kunsens ta’ l-Isqof.  Qattiela u dawk li jaħarqu, jirikattaw, jaħtfu persuni, jisirqu fid-djar u fit-toroq ġew esklużi mill-immunità.{39} Meta l-Franċiżi daħlu Malta, abolixxew id-dritt tas-santwarju jew immunità ekklesjastika u ħadu d-dritt li jistgħu jarrestaw nies ukoll fil-knejjes.{40} Ir-riformi tal-gvernatur Thomas Maitland kienu jinkludu l-abolizzjoni ta’ l-immunità tal-knisja f’każi ta’ atti kriminali u li l-gvern jista’ jarrestahom ukoll mir-refuġju li jkunu fih.{41} Wara ftehim ma’ Ruma, il-gvern Ingliż f’Malta bil-proklama tal-10 ta’ April 1828 tal-Gvernatur Frederick Ponsonby, abolixxa d-dritt ta’ l-immunità fil-każi kriminali imma ta ċans lill-Isqof jgħaddi lir-refuġjati hu lill-awtoritajiet ċivili qabel jinħarġu bil-forza, u stabbilixxa li l-ġurisdizzjoni tal-Knisja f’Malta u Għawdex tkun tapplika biss għal dak li hu spritwali.{42}

-------------------------------------------------------------------------------------

NOTI:
1. Bonnici, Alexander Storja ta’ l-Inkiżizzjoni f’Malta III (1994) p 43

2. Borg-Muscat David Reassessing the September 1775 Rebelliion: a case of Lay Participation or a Rising of the Priests? f’Melita Historica Xiii 3 (2002) p 239-249)

3. Kilin A Hundred Wayside Chapels of Malta and Gozo (2000) p 230

4. Bonnici, Alexander Storja ta’ l-Inkiżizzjoni f’Malta II (1992) p 35, 301 & III (1994) p 251, 445; Galea, Michael Grand Master Emanuel De Rohan 1775-1797 (1996) p 55; Castagna, PP Lis Storia ta Malta bil Gzejer Tahha III p 437.

5. Pace, Francis Il-Gargur, in-Nies u l-Knejjes Tiegħu (2000) p 84

6. Callus, Philip The Rising of the Priests (1961) p 8

7. Bonnici, Alexander op cit. (1994) III p 473

8. Cachia, Pierre An Arab’s View of XIX Century Malta in Maltese Folklore Review I 3 (1996) p 243

9. Cassar, Paul From Holity Infirmery of the Knightsto the Mediterranean Congress Centre Valletta (1983) p 20

10.  Bonello, Giovanni Histories of Malta V Reflections and Rejections  (2004) p 119, 123, 128

11.  Micallef , Joseph The Plague of 1676, II, 3000 deaths (1985) p 12

12.  Bonnici, Alexander op.cit. (1994) III p 227

13.  Bonnici, Alexander op.cit ((1992) II p 301

14.  Ciappara, Frans Society and the fInquisition in Early Modern Malta (2001) p. 195-196

15.  Testa, Carmelo The Life and Times of Grandmaster Pinto (1989) -267-268

16.  Callus, Philip op.cit.  p 9

17.  Mizzi, Pawlu Il-Parroċċa t’Għawdex (1997) p 298, 393-394

18.  Bonnici, Alexander Malta u l-Inkiżizzjoni f’Nofs is-Seklu Sbatax  (1977) p 33

19.  Cavaliero, Roderick The Last of the Crusaders (1960) p 129

20.  Borg-Muscat, David op.cit p 239-249

21.  Bonnici, Alexander, op. Cit. (1994) III p 451

22.  SAL & Xuereb, Paul Birkirkara – Storja, Kolleġġjata, Knejjes Filjali (2005) p 107

23. Borg-Muscat, David op.cit. p 239-249

24. Cavaliero, Roderick op.cit  p 93-94

25.  Bonnici, Alexander op.cit (1992) II p 98

26.  Friggieri, Robert fCatania, Paul & Scerri, Louis J(ed.)Naxxar, a Village and its People  (2000)  p 221

27.  Testa, Carmelo op.cit p 237

28. Zammit Ciantar,J.The Expulsion of the Jesuits from Malta in 1639 f’Symposia Melitensia I (2004) p 9

29.  Bonnici, Alexander op.cit.  (1994) p 176-178

30.  Montalto, John The Nobles of Malta 1530-1800 (1979) p 202-203

31.  Bonello, Giovanni Histories of Malta II, Figments and Fragments  (2001) p 89

32.  Zammit, vincent Il-Mużewijiet f’Malta (2002) p 145

33.  Bonnici, Alexander op.cit. (1994) p 176-178

34.  Ibid. p 331

35.  Ibid. p 176-178

36.  Ciappara, Frans op.cit. p 117-123

37.  Ibid. p 117-123

38.  Testa, Carmela op.cit. (1994) p 241

39.  Bezzina, Joseph L-Istorja tal-Knisja f’Malta  (2002) p 179-180; Laferla, AV The Story of Man in Malta  ((1972) p 121-122; Ciapara, Frans op.cit. p 117-123

40.  Galea, Michael The Life and Times of Vincenzo Labini (1980) p 40

41.  Harding, Hugh Maltese Legal History Under British Rule 1801-1836 (1968) p59-60; Mizzi, Edgar Malta in the Making  (1995) p 221

42.  Gauci, Anton Pajjiżi Taħt l-Ingliżi (1993) p 8; Laferla, AV British Malta 1 (1976) p 121; Bezzina Joseph op.cit. p 179-180; Bezzinia, Joseph Religion and politics in a Crown Colony  (1985) p 146; Ciappara, Frans The Roman Inquisition in Enlightened Malta (2000) p 230; Attard Edward A History of the Malta Police 1800-1964 (2003) p 17.

-------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

© guido lafranco 2006