|
Introduzzjoni - |
|
L-użu ta' l-IT fit-tagħlim ta' l-ISTORJA: Matul l-aħħar snin kien hemm interess dejjem
jikber fl-iskejjel biex isir iżjed użu mill-kompjuter fit-tagħlim.
Ħafna għalliema laqgħu din l-isfida u żviluppaw
risorsi differenti permezz tal-kompjuter. Dan hu mod li jista' jtejjeb it-tagħlim
f’ħafna aspetti u jagħmlu iżjed attraenti. Il-kompjuter
jgħinna biex niżviluppaw riżorsi varji li jistgħu jiġu
ppreżentati b'mod li l-istudenti jinteressaw ruħhom iżjed
fis-suġġett. Iżda l-użu tal-kompjuter ma jtejjibx
awtomatikament il-kwalità tat-tagħlim. Għandhom jiġu
żviluppati metodi mill-għalliem/a li jgħinu biex ir-riżorsi
użati jkunu tabilħaqq effettivi. Għalhekk l-użu
tal-kompjuter fit-tagħlim għandu jiġi applikat b’ċertu
ħsieb mill-għalliema. Ħuma
għandhom jiżviluppaw il-kunfidenza neċessarja li jużaw
dawn ir-riżorsi. Għandhom japprezzaw il-fatt li l-użu ta'
dawn ir-risorsi jista’ jbiddel il-mod ta' kif kull suġġett
jista' jiġi ppreżentat. Għalhekk għandhom jużaw
l-esperjenza tagħhom biex jagħżlu risorsi li jgħinuhom
l-aktar biex jilħqu l-oġġettivi tagħhom.
Huma għandhom jippjanaw u jippreparaw lezzjonijiet ibbażati
fuq l-użu ta' dawn ir-risorsi u jiżviluppaw il-fehma fl-istudenti
billi jħajruhom jaħsbu iżjed u jirriflettu fuq dak li jkunu
qraw. Dan jimplika wkoll li huma jista' jkollhom jorganizzaw il-klassi tagħhom
aħjar biex it-tagħlim ikun iżjed effettiv. Il-kompjuter joffri l-opportunità li tikkomunika
ma’ ħafna studenti b’mod individwali. B’hekk trid tiġi
żviluppata pedagoġija li tħares l-interessi u l-bżonnijiet
individwali ta' l-istudenti mingħajr ma dawn ikunu influwenzati minn
dak li jkun qiegħed jagħmel ħaddieħor. Fl-aħħar
mill-aħħar l-abilità li jfittxu u jagħrblu l-informazzjoni
mingħajr dubju ser tkun fattur determinanti fil-futur għal kull
individwu biex dan ikun jista' jintegra ruħu mhux biss fid-dinja tax-xogħol
iżda anki fl-ambjent soċjali u kulturali. Kien ilu jinħass il-bżonn li l-għalliema u l-istudenti jkollhom xi materjal biex jgħinhom fit-tagħlim ta' l-istorja. Għalhekk ġiet żviluppata din il-website li għandha tgħin biex l-istudenti jinteressaw ruħhom iżjed fis-suġġett u b’hekk japprezzaw aħjar l-istorja ta' pajjiżna u jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' ħsieb u analiżi fil-kuntest storiku. B’hekk ikunu jistgħu jiżviluppaw ħiliet assoċjati mat-tagħlim ta' l-istorja eż. sekwenza, kronoloġija, analiżi u interpretazzjoni ta' sorsi, empatija u kitba kreattiva ta' natura storika. Barra minn dan isservi wkoll bħala mezz biex isir xogħol fi gruppi jew xogħol individwali fil-klassi jew id-dar. Tista’ timla wkoll il-vojt li hemm ukoll f’xi klassijiet li ma jużaw l-ebda textbook. Din il-website tinkludi taqsima ġenerali li fija wieħed isib is-sillabi differenti ta' l-iskejjel ta' l-Istat, l-għanijiet ġenerali u l-oġġettivi ta' l-assessjar f’dawn l-eżamijiet u l-livelli ta' tagħlim fl-istorja. Fiha wkoll taqsimiet differenti li jittrattaw temi li għandhom x’jaqsmu mas-sillabi ta' l-istorja ta' l-iskejjel sekondarji minn Forms 1 sa 5 u dawk ta' l-Istudju Soċjali ta' l-aħħar sena ta' l-Iskola Primarja, flimkien ma’ numru ta' taħriġ dwarhom. L-aħħar taqsima imbagħad fiha indiċi alfabetiku u artikli varji li jittrattaw dwar aspetti differenti dwar it-tagħlim ta' l-istorja. Materjal
bħal dan jista' jagħti lok għal diskussjoni fil-klassi u
partiċipazzjoni iżjed attiva mill-istudenti.
Sa fejn kien possibli inżamm bilanċ bejn il-komponenti
differenti tas-suġġett bħal ma huma t-tagħrif,
il-fehma u l-kunċetti u l-ħiliet. B'hekk l-istudenti ma jkunux
qegħdin jibilgħu tagħrif biss fuq is-suġġett izda
jkunu jistgħu jifhmu u janalizzaw dak li jkun qiegħed jiġi
mgħallem lilhom. Fl-aħħar
mill-aħħar it-tagħlim ta' l-istudenti hu l-aħjar meta
huma jiġu sfidati biex jaħsbu fuq il-mod kif huma jħarsu
lejn l-affarijiet. L-għajnuna ta' l-għalliem/a hija importanti
ħafna biex l-istudenti jkunu jistgħu jaħsbu f'kuntest
storiku. L-għalliema għandhom jieħdu r-rwol ta' gwida li
jiffaċilita aħjar it-tagħlim minkejja li l-ippjanar
tal-lezzjoni jibqa dejjem f’idejhom. Parti
mill-attivitajiet fuq din il-website jidhru li jistgħu jservu biss bħala
drill. L-għalliem għandu joqgħod attent kif juża dawn
l-eżerċizzi u ma jibbażax il-lezzjoni sħiħa tiegħu
fuqhom. L-użu tajjeb ta' din il-website mill-għalliem huwa
importanti ħafna għas-suċċess tat-tagħlim li jkun
qiegħed jingħata lill-istudenti. Fl-aħħar nixtieq nirringrazzja pubblikament
lil dawk kollha li taw sehemhom biex din il-website issir realtà u speċjalment
lis-sur Tony Pace, koordinatur fis-sezzjoni ta' l-Istorja fid-Dipartiment
tal-Kurrikulu, ta' l-interess u l-paċenzja li ħa biex organizza
dan il-materjal. Ix-xogħol tiegħu għandu tabilħaqq jagħti
spinta lit-tagħlim ta' l-istorja fl-iskejjel tagħna. George Calleja |