|
Tradizzjonjiet u Festi Folkloristiċi Maltin
|
| riċerka ta' Franck Testa |
|
Bħal kull pajjiż ieħor Malta għandha t-tradizzjonjiet tagħha. Hu ta’ importanza kbira li nkunu nafu dwar dawn it-tradizzjonjiet u li nkomplu ngħożżuhom u jekk ma nipprattikawhomx għallinqas inkunu nafu liema huma u għaliex kienu jsiru għaliex huma dawn it-tradizzjonijiet li jagħmluna Maltin.
Il-festa tar-raħal:
Fil-festa kull triq tar-raħal tiġi dekorata għall-okkażjoni b’pavaljuni, statwi u fustuni ta’ dawl. Dan ix-xogħol kollu jsir mill-kumitat tal-festa li jorganizza u jlesti dan it-tiżjin li ħafna minn jiġi armat minn bosta żgħażagħ. Karatteristika oħra tal-festa hija l-mużika fejn matul il-ġranet ta’ qabel il-festa jsiru bosta marċI mill-banda tar-raħal u jekk ir-raħal ma jkollux banda jinġiebu baned minn postijiet oħra. Bla dubju l-aktar marċ popolari u mfittex hu l-marċ ta’ fil-għodu ta’ jum il-festa. Dan jibda minn xi l-għaxra ta’ fil-għodu u jdur ma bosta toroq u jispiċċa għal xi l-erbgħa ta’ wara nofs inhar. Hu marċ li jieħdu sehem ħafna nies fih speċjalment ħafna żgħażagħ li jagħmlu ħafna briju quddiem il-marċ. Sfortunatament dan il-marċ ftit li xejn għandu sens reliġjuż fih għaliex fih isir ħafna xorb ta’ alcohol, ħafna kliem ħażin u dagħa u tgħajjir lill-parroċċa rivali. Aspett importanti tal-festa tar-raħal hu l-logħob tan-nar li tista’ tgħid jinqasam fi tlieta. Hemm in-nar tal-bombi meta waqt il-ġurnata tisma' qisek bombi qed jisplodu, jew xi musketterija. Hemm imbagħab in-nar tal-kulur meta jisparaw murtali fil-għaxija u jiftħu fi ċrieki sbieħ tal-kulur fis-sema. Dawn il-murtali jilħqu l-qofol tagħhom meta tkun ħierġa u dieħla vara u tingħata l-kaxxa infernali li hi baraxx sħiħ ta’ murtali ikkuluriti li jixegħlu s-smewwiet. Lejlet il-festa jkun hemm il-ġigġifogu li hu spettaklu ta’ nar kulurit fuq l-art. Bla dubju l-murtali tal-kulur u l-ġigġifogu jagħtu l-ikbar karatteristika lill- festa Maltija u huma ta’ attrazzjoniji turistika kbira.
Il-qofol tal-festa jkun il-purċissjoni tal-Vara tal-qaddis titulari. Din tkun magħmula minn bosta nies kemm reliġjużi kif ukoll lajċi u kollha lebsin ilbies ta’ l-okkażjoni. Il-vara ġeneralmet tkun akkumpanjata minn banda li ddoqq marċi naqra serji. Il-festa tintemm meta tidħol il-vara u tingħata l-aħħar kaxxa infernali. Hija drawwa li meta tkun dieħla l-vara din tintrefa minn parruċċani u partitarji u mhux mir-reffiegħa proprja. Meta tidħol il-vara tingħata l-barka sagramentali. F’ħafna irħula għadha tradizzjoni li l-għada tal-festa n-nies tar-raħal jmorru xalata ħdejn il-baħar lejn l-Għadira jew l-Amier u jidħlu lura r-raħal għal inżul ix-xemx b’carcade. l-istorja tl-festa
It-tiżjin tal-festa kienu ikun ftit bandieri mikrija ġeneralment minn fuq il-bastimenti ta' l-Ordni. Dawn kienu jitpoġġew madwar iz-zuntier jew fuq il-bejt tal-Knisja. Bħala dawl kien ikun hemm xi lampi żejt u torċi. Biex l-arja tal-knisja tkun friska u tfuħ fuq il-kaptelli ta’ l-oqbra fil-knisja jkun jpoġġu weraq tar-rand, larinġ u tal-ħarrub. Bħal nar ma kienx hemm u ħlief li hu magħruf li fl-1738 fil-festa ta’ Santa Liena ġew sparati xi murtali żgħar, imbagħad fl-istess perjodu ġiet sparata mukettrija fil-festa ta’ Santa Katerina fiż-Zurrieq. Il-ħruġ tal-vari fil-pruċissjoni bdiet għal ħabta ta’ l-1620 meta f’xi festa tal-Madonna kienu joħorġu l-istatwa. Din kienet tkun l-istess Madonna normali minkejja li jkunu qed jiċċelebraw xi titlu tal-Madonna bħal taċ-Cintura, tar-Rużarju jew il-Lunzjata. Sa dak iż-żmien ma kienx hemm statwi tal-vari titulari u l-ewwel waħda li nafu biha hija l-vara ta’ injam li fl-1627 ġiet mogħtija lill-knisja tal-Porto Salva ġewwa l-Isla. L-ewwel pruċissjonijiet bil-vari titulari saru f’Ħal Luqa meta fl-1781 ħarġu l-istatwa ta’ Sant’ Andrija u fl-1818 fiż-Zurrieq bil-vara ta’ Santa Katerina fl-1829 f’Ħal Tarxien meta ħarġu l-vara tal-Lunzjata. Għalkemm in-nar illum hu l-aktar aspett popolari tal-festa dan beda bil-mod u meta riedu li jsir xi nar l-organizzaturi tal-festa kienu jġibu nies esperti li kienu jaħdmu fid-dipartiment tal-munizzjon ta’ l-Ordni. Jingħad li f’nofs is-seklu 18 fiż-Zurrieq użaw is-sulfarelli. Fl-1801 daħlet id-drawwa li lejlet il-festa jittella’ spettaklu ta' ġigġifogu li ġejja mit-Taljan Giuco di Fuoco. Sa dak iż-żmien ma kienx hemm Maltin li jaħdmu n-nar, sakemm fl-1876 ġie jżur Malta l-Prinċep Albert u ġie kummissjonat ċertu Ingliż kunjomu Pain biex jagħmel in-nar. Iżda tant ħareġ xogħol ħażin li lil dan Pain ħaduh il-qorti. Minn dak inhar dilettanti Maltin bdew iġibu nies minn Sqallija biex jagħmlu in-nar u l-Maltin bdew jitgħallmu minnhom u maż-żmien saru esperti daqshom. L-idea ta’ festa b’ħafna ċelebrażżjinjiet kbar bdiet mill-Kavallieri meta dawn fis-seklu 18 bdew isubu kull skuża biex jagħmlu festa bħal ngħidu aħna l-ħatra ta’ Gran Mastru ġdid, Papa ġdid jew biex ifakkru. Fl-imgħoddi ħafna mill-festi kienu jiġu matul is-sena skond il-kalendarju tal-Knisja. Eżempju San Girgor suppost jiġi fl-4 ta’ Marzu, il-Lunzjata fid-19 ta’ Marzu, u San Publiju fid-19 ta’ Jannar. Mad-dati ta’ dawn kien hawn ħafna drawwiet marbuta mal-biedja eżempju meta tiżra' l-frott jew ħxejjex jew skond it-temp li jagħmel f’ċerti festi ikunu jafu kif ħa jkun il-ħsad. Fil-fatt ħafna mix-xogħol li kien isir fil-biedja kien regolat skond ċerti festi għaliex kien aktar faċli li wieħed jiftakar il-festa milli xi data partikolari. Dan illum kollu spiċċa għaliex il-festi kollha bdew isiru fis-sajf biex jiġbdu aktar nies u turisti. l-ImnarjaDin hija l-festa ta’ San Pietru u San Pawl u tiġi fid-29 ta’ Ġunju. Hi l-aktar festa importanti fil-folkor Malti u bdiet fi żmien il-Kavallieri. Din hi l-festa tal-bdiewa li jkunu qed jiċċelebraw tmiem ix-xogħol fl-għelieqi u jqattgħu sagħtejn misrieħ u divertiment. L-istess isem l-Imnarja ġew minn Lunimarja tfisser imdawwal għaliex f’din il-festa li ssir bejn ir-Rabat, l-Imdina u l-Buskett għaliex fil-lejl ta’ bejn it-28 u d-29 ta’ Ġunju kienu jinxtegħlu s-swar ta’ l-Imdna, l-Katidral u bnadi oħra tal-madwar.
Fl-imgħoddi kienet id-drawwa li fl-għerusija l-għarus iwiegħed lill-għarusa li meta jiżżewwġu jrid joħodha fil-festi ta’ l-Imnarja u dik ta’ San Girgor. Din il-wegħda kienet tittieħed bis-serjeta` tant li ħafna drabi kienet titniżżel fil-kitba taż-żwieġ. Meta jiżżewġu l-ewwel darba li jmorru l-Imnarja l-għarajjes kienu jilbsu l-ilbies tat-tieġ. Fil-bidu tagħha għall-ħabta tas-17-il seklu l-Imnarja kienet festa ta' devozzjoni reliġjuża qisu pellegrinaġġ fejn pruċissjoni mill-kattidral ta’ l-Imdina kienet tmur titlob fil-Grotta ta’ San fir-Rabat. Għal dan il-pellegrinaġġ in-nies kienu jiltaqgħu fuq is-Saqqajja mil-lejl ta’ qabel u kienu jorqdu hemm. Din id-drawwa reliġjuża naqset ħafna. Wara din il-funzjoni reliġjuża in-nies jerħulha lejn il-ġonna tal-Buskett fejn qalb il-ħsejjes tal-kitarri u l-għana tradizzjonali Malti n-nies iqattgħu lejl ta’ divertiment jieklu l-fniek. Fi żmienijiet aktar moderna l-funzjoni reliġjuża kważi spiċċat għal kollox. Fil-għodu in-nies jerġgħu jerħulha lejn is-Saqqajja biex jassistu għat-tiġrijiet taż-żwiemel. Mill-1854 l-aspett agrikolu fl-Imnarja kiber sew meta s-Soċjeta` Agrarja bdiet torganizza wirja ta’ prodotti u annimali tal-biedja. Din bdiet tiġbed aktar nies lejn il-Buskett fejn ħafna kienu jmorru għal din il-wirja fejn barra l-ħxejjex, frott u annimali kien ikun esposti prodotti oħra bħall-għasel, ġbejniet eċċ. Il-karnival:
Fi żmien il-Kavallieri l-Parata kienet tittieħed bis-serjeta` u f’Sibt il-Karnival fil-għodu kmieni nies mill-irħula kien jmorru ħdejn il-Palazz il-Belt biex jitolbu l-permess tal-Gran Mastru biex jagħmlu l-Parata għaliex mingħajr dan il-permess il-Parata ma kinitx issir u jekk ma ssirx il-parata ma kienx isir Karnival. Kif rappreżentant tal-Gran Mastru kien jaqra li l-permess ingħata kumpaniji ta’ żeffiena kienu jduru mat-toroq tal-Belt jiżfnu l-Parata. Kienu jdendlu ġebla mal-bini imsejjaħ il-Kastellanija fi triq merkanti u jibdew isawtu lil din il-ġebla imsejħa Strappado, bħal sinjal li fit-tlett ijiem tal-karnival ma kienx hemm ġustizzja. Drawwa li spiċċat għal kollox kienet ta’ raġel liebes ta’ Nutar kien ikun fi triq Merkanti u triq Repubblika taparsi qed jaqra minn reġistru li aktar kien jużah biex jaħbi wiċċu mill-affarijiet li jkunu jqarawlu dawk ta’ madwaru. Dan il-karattru liebes ta’ nutar fil-fatt jirrapreżenta drawwa antika ħafna msejħa l-Qarċilla. F’din id-drawwa kienu jagħmlu speċi ta’ figolla forma ta’ mara liebsa ta’ għarusa kienet titpoġġa f’basket b’wieħed maskarat idawwarha mat-toroq b’ċorma nies jiżfnu u jdoqqu warajh. F’kull kantuniera n-nutar kienu jaqra l-kitba taż-żwieġ taħt forma ta’ poeżija umoristika miktuba fl-1713 minn Don Feliċe Demarco. Kollox kien jispiċċa billi n-nies jieklu l-għarusa u jiskru. Fl-1721 l-Gran Mastru Zondadari daħħal il-Kukkanja fil-Karnival, drawwa li llum spiċċat. Fit-Tnejn tal-karnival fil-pjazza tal-Palazz kienu jdendlu l-ikel bħal zalzett, koxox tal-majjal u anki annimali ħajjin, dawn kienu jiġu mgħottija bi zkuk tas-siġar, meta jingħata s-sinjal dawk preżenti kienu jitilgħu ma’ dawn iz-zkuk biex jieħdu l-ikel, kull ma jirnexxilhom jaqbdu kien tagħhom. Il-kavallieri introduċew l-Veljuni dawn kienu ballijiet tal-Karnival fejn nies ta’ klassi għolja kienu jmorru lebsin kostumi sbieħ u jqumu l-flus. Dawn kienu jsiru fit-Teatru Manwel. L-Ingliżi komplew din it-tradizzjoni u l-Gvernatur kien soltu jagħmel ballu tal-Karnival fit-Tnejn tal-karnival. Bis-saħħa ta’ dawn il-ballijiet reġgħet ħadet il-popolarita` ż-żifna folkloristika il-Maltija. Din kienet żifna antika tal-poplu li kważi kienet intesiet sakemm fil-Veljun ta’ l-1844 li kienet organizzat il-mara tal-Gvernatur Stuart uffiċċjal tar-Royal Malta Fencibles Regiment bdew jiżfnu l-Maltija u min dak inhar saret drawwa li fil-veljuni jiżfnu l-Maltija. Dan baqa’ sejjer sa l-ewwel Gwerra għaliex id-drawwa spiċċat. Il-Veljuni baqgħu jsiru mhux mill-Gvernatur imma minn nies privati li kienu jorganizzawhom fit-Teatru Rjal. Dawn spiċċaw hekk kif bdiet it-tieni gwerra. Sa ftit snin ilu kienet id-drawwa li kif jintemm il-Karnival kienu jaħarqu l-karru tar-re tal-Karnival. Dan hu ġej minn drawwiet ta’ funerali fi Sqallija u l-Ġermanja fejn kienu jsiru funerali fejn jaħarqu l-mejjet, dawn kienu jsiru fl-istess żmien tas-sena meta jaħbat żmien il-karnival. Meta kienu jaħarqu l-karru tar-re tal-Karnival kien ikun taparsi n-newwieħa li kienu nisa jibku l-mewt tar-re tal-Karnival. Din kienet allegorija umoristika tad-drawwa tan-newwieħa li kienet mifruxa Malta fis-seklu 17 meta fil-mewt ta’ xi ħadd biex juru n-niket familjari tiegħu kienu jikru nisa lebsin l-iswed minn rashom sa saqajhom biex jibku ħdejn it-tebut u waqt il-funeral. Fil-fatt kien isir funeral bir-re tal-Karnival magħmul mit-tiben merfugħ fuq xi sellun bin-newwieħa warajh. Din id-drawwa inqatgħet fl-1737 meta 300 baħri Malti intbagħtu jaħdmu fix-xmara Danubju u ħafna kienu mietu minħabba l-kesħa. Peress illi ħafna minnhom kienu minn Bormla fejn bosta ommijiet kien jagħmluha ta’ newwieħa fil-funeral tar-re tal-Karnival, minn dak inhar id-drawwa tan-newwieħa spiċċat. Fl-1846 inqala’ inċident serju bejn il-Maltin u l-Gvernatur Patrick Stuart. Dan kien Protestant reliġjuż ħafna u fis-sena fl-1846 ordna li fil-Ħadd tal-Karnival ma kien jista’ jilbes maskra li kien ifisser li f’dak il-jum ma kienx se jsir il-Karnival. Bħala protesta l-Maltin ma libsux maskri iżda daħlu l-Belt biż-żwiemel, bgħula, ħmir, klieb u annimali oħra lebsin tal-Karniavl. Grupp ta’ żġħażagħ libsu ta’ qassisin protestanti u bil-Bibbja f’idejhom bdew jippassiġġaw fil-pjazza tal-palazz u wara rħewlha lejn il-katidral Anglikan fi Triq San Pawl u bdew jagħmlu frattarija waqt li kienet għadejja Quddiesa tal-Protestanti. Fil-għaxija grupp ieħor ta’ żġħażagħ attakaw il-band militari li kienet dieħla l-Palazz u kissrulhom xi strumenti. Il-Gvernatur ra kollox mit-tieqa tal-Palazz u ordna lill-Pulizija u s-suldati biex iferrxu l-folla. L-inċidenti spiċċaw b’wiċċ il-ġid għaliex kieku l-Maltin baqgħu iwebbsu rashom kien jinxtered id-demm. Wara dan l-inċident tal-karnival Stuart ireżenja minn Gvernatur. Dan l-episodju fl-istorja ta’ pajjiżna juri kemm il-Maltin jieħdu bis-serjeta` l-Karnival. It-tradizzjonjiet tal-gimgha l-kbira
L-introduzzjoni tas-Sepulkru ġabet magħha l-użanza tal-visti tas-seba’ knejjes fejn in-nies f’Ħamis ix-xirka jew fil-għodu ta’ jum il-Ġimgħa l-Kbira jmorru jagħmlu vista u jitolbu quddiem seba’ Sepulkri differenti. Fit-triqhom lejn Sepulkru u ieħor in-nies jgħidu r-Rużarju. Din id-drawwa nfirxet sew meta bdew jiġu stampati kotba ta’ talb, devozzjoni u informazzjoni dwar il-passjoni ta’ Kristu. Dawn il-kotba forma ta’ ftit paġni saru popolari ħafna u komplew saħħew id-drawwa li nipptrattikaw anki fi żmienna.
Il-vara huma maħduma biex jagħtu sens ta’ niket u tbatija aktar u aktar bil-feriti maħduma biex jiġbdu l-għajn. L-istil ta’ dawn il-vari hu dak ta’ Sqallija u Spanja, tant hu hekk li x’aktarx l-ewwel biedem li ħadem dawn l-istatwi kien Sqalli. L-ewwel Malti li ħadem vari tal-Ġimgħa l-Kbira kien ċertu Mastro Saverio Laferla li kien jaħdem bħala tabib u barbier. L-ewwel set lestihom bejn l-1739 u l-1742 u dawn kienu għall-Franġikani ta’ Ġieżu. Il-pruċissjonjiet mhux dejjen kienu joħorġu f’jum il-Ġimgħa l-Kbira, f’Ħal Qormi kienu joħorġu f’Ħadd il-Palm fil-waqt li fil-Belt u l-Isla kienu joħorġu fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka. Fir-Rabat u Bormla l-proċessoni kienet toħroġ f’jum il-Ġimgħa l-Kbira Iżda f’inżul ix-xemx. Fl-1879 l-Isqof Scicluna ordna li l-pruċissjonijiet kollha jridy jsiru kollha f’jum il-Ġimgħa l-Kbira. Fil-Birgu kienu jsiri 3 pruċissjonjiet waħda l-Erbgħa tat-Tniebri li kienet toħroġ mill-Knisja tal-Karmnu. Fiha kienu jieħdu sehem skajvi mgħammdin u oħrajn ikkundannati jaqdfu fl-Iġfna ta’ l-Ordni dawn kien jkunu bil-ktjajjen Iġorru salib. Jista’ jkun li minn hawn ħarġet id-drawwa li nies ħafjin bil-ktajjen ma’ saqajhom u jġorru salib jimxu wara l-vari bħala penitenza jew bħala radd għal xi grazzja maqlugħha. Oħra kienet toħroġ f”Ħamis ix-Xirka u l-akta importanti kienet issir f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira li kienet toħroġ mill-Knisja ta’ San Lawrenz. Aktar ma għadda ż-żmien il-pruċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira bdew isiru f’aktar lokalitajiet. Barra dan bdew jiżdiedu wkoll l-istati li jfakkru episodji partikolari tal-ġraja tal-Passjoni. Dan l-aħħar bdew jiżdiedu nies lebsin kostuni ta’ karattri BibbliċI biex b’hekk jagħtu aktar ħajja lil dan l-avveniment. Saħansutra ġewwa Ħaż-|ebbuġ joħorġu nies lebsin ta’ suldati Ruma rekbin fuq Iż-żwiemel. Drawwiet u superstiZzjonjiet:
Tqala u twelid: Wieħed mill-ikbar misteri tal-bniedem hu t-tnissil u t-twelid tal-bniedem. Fl-imgħoddi kien hemm bosta drawwiet x’wieħed jista’ u ma jista’ jagħmel biex l-affarijiet f’dawn Iż-żmien delikat jimxu sew u t-tarbija titiwieled qawwija u sħIħa. Waħda mill-aktar drawwiet l-aktar mifruxa kienet il-ħars tal-mara waqt it-tqala. Kienu jemmnu li jekk mara tħares lejn affarijiet koroh, xi animal jew xi persuna b’xi difett fiżiku t-tarbija kienet titwieled b’xi difett jeww il-mara kienet tkorri. Fil-fatt meta mara kienet tara xi ħaġa hekk kienet malajr tagħmel salib fuq żaqqa jew tħares lejn friskatur bl-ilma u tinħasel fl-istess ilma. Nisa tqal ma kienux inħarsu lejn funerali jew imorru għand xi ħadd li għadu kif mixlu xi ħadd għax it-tarbija setgħet titwieled mejta. Jekk minn naħa l-oħra l-mara tħares lejn xbiegħat ta’ qaddisin it-tarbija kienet tkun tixbaħ lil dak il-qaddis. Dan ġab miegħu d-drawwa tal-wegħdi li n-nisa kienu jagħmlu lill-qaddisin u l-Madonna biex it-tarbija titwieled qawwija u sħIħa. Jekk wieħed Iżur il-knejjes tal-Grazzja ta’ Ħaż-|abbar, Tal-Ħerba f’Birkirkara, u Tal-Ħlas f’Ħal-Qormi jsib bosta ex voto mogħtija lil vara titulri bħala radd il-ħajr ta’ tqala li kienet intemmet b’wiċċ il-ġid. Din id-drawwa ta’ wegħdi f’dawn is-santwarji hija ħajja anki llum. Ħafna drabi t-tfal jitwieldu b’marka roża jew vjola f’wiċċhom li ġeneralment tmur wara ftit ġranet Iżda f’ċerti każi din tibqa’. Din il-marka hi msejjħa x-Xewqa u kien jemmnu li din kienet tiġI għaliex il-mara waqt it-tqala kienet tixtieq xi ħaġa u ma kienitx toħodha. Għalhekk kien jieħduha bis-serjeta ħafna li jaqtgħu kull xewqa li l-mara tqila jkollha biex jevitaw kull periklu li t-tarbija titiwled b’xi marka fuq wiċċha jew agħar minn hemm hekk il-mara titlef it-tarbija. Dan it-twemmin kien qawwi ħafna tant li bosta nies kien jgħidu b’nisa li twielduljom trabija b’marka forma ta’ l-oġġett li xtaqu eżempju fażola, għeneb, piżelli eċċ. Ħafna kien jaħsbu li l-ewwel 40 ġurnata wara t-twelid kienu importanti ħafna u kien hemm bosta drawwiet li l-omm kellha tosserva għall-ġid tat-tarbija. Fl-ewwel 40 jum l-omm ma taqtax difrejn it-tarbija minnħabba l-periklu ta’ xi dieħes. Jekk it-tarbija tkun tifla wara 40 jum kienu joħduha biex itaqbulha widnejha għall-imsielet. Wara l-magħmudija l-mara I taħsel l-iskufja tat-tarbija tiġI meqjusa bħala parrina tat-tarbija għal 40 jum u l-ilma kien jintuża biex isaqqu l-fjuri jew pjanti għaliex kienu jaħsbu li kien ikollu xi traċċI ta’ ilma mbierek. Kien jemmnu wkoll li jekk mara li kienet welldet tiltaqa’ ma’ mara oħra li welldet qabel jgħaddu l-40 jum kienet tiġri xi diżgrazzja lil waħda minnhom jew it-tarbija tagħha. Fejn tidħol il-Magħmudija kienet id-drawwa li l-omm ma toħroġ mid-dar qabel it-tarbija tkun mgħammda. Qabel jgħammduha lit-tarbija ma kinux ineħħulha l-iskufja u kienu jgħidu li qabel titgħammed din tkun Tork jew xitan għaliex tkun għadha ma tnaddfitx mid-dnub oriġinali. Għalhekk kienu jgħaġġlu ħafna biex jgħammdu t-tarbija biex inaddfuha minn dan id-dnub. Dawn id-drawwiet huma marbutin mal-fatt li fl-ewwel ġranet wara t-twelid kemm it-tarbija kif ukoll l-omm huma meqjusa bħala impuri u li jista’ jkollhom fihom spiriti ħżiena imsejħa mibdula. Meta it-tarbija kienet timrad bil-kalaazar marda tal-milsa jew bil-ħuttafa marda li ġġib debolizza kbira fit-tarbija kienu jqisu lit-trabi bħala mibdula. Meta kienu jimirdu b’dan il-mard u ieħor simili kienu jitolbu lil San Ġiljan u kien jieħdu t-tarbija f’dan ir-raħal fejn quddiem l-istatwa ta’ San Giljan kien jagħtuha banju tar-ramel. Din l-impurita’ tal-mara u tarbija kienet iġġiegħel lin-nies jemmnu li dawn kienu suġġetti għall-Għan jiġifieri s-setgħu jiġu mogħtija xi seħta. Għal dan il-għan in-nies ma kienux la jfaħħru u wisq anqas jigħidu xi ħaġa kontra t-tarbija u l-unika ħaġa li kienet kienu jgħidu meta jħarsu lejn it-tarbija kienet Alla Jbierek. Biex jevitaw l-għajn l-anqas kienu jiżnu lit-tarbija u l-ommijiet kienu jevitaw joħorġu lit-trabi għax kienu jibżgħu li jkun hemm xi ħadd jisħetilhom. Il-biża’ ta’ l-għajn kien qawwi ħafna u sal-llum naraw li ħafna ma jieħdux pjaċir b’ħafna komplimenti dwar it-tarbija. Naturalment it-tqala u t-twelid kellhom x’jaqsmu ma’ l-att sesswali, suġġett li fl-imgħoddi kien evitat kemm jista’ jkun għaliex kien meqjus bħala xi ħaġa li ma’għandekx titkellem fuqha għax kienet ħażina. Fil-fatt nisa tqal qatt ma kenu jitkellmu fuq dan anzi l-ewwel darba li joħorġu tqal n-nisa kieu jħossu ċerta mistħija u fil-fatt kienu jilbsu l-għonnella bies jaħbu d-dehra ta’ persunthom. L-ilbies għat-tarbija l-ġdida kien jitkesta xi 4 xhur qabel u kien jinħeba mit-tfal biex dawn ma jistaqsux mistoqsijiet imbarazzanti. Iżda t-tfal kienu jaraw l-omm tikber u oħrajn kienu jistqasu minn fejn jiġu t-trabi, ħafna drabi r-risposta kienet tkun li t-tfal jiġu bil-vapur. Zwieg:
Kif wieħed jista’ jobsor
fl-imgħoddi ma kienx hawn il-liberta` ta’ taħlit bejn tfajliet u ġuvintur,
anzi jekk tfal tidher ma’ ġuvni kienet tqajjem skandlu kbir. Meta xi ġuvni
kien ikollu grazzja ma xi tfajla kien iqabbad il-Ħuttaba li kienet
tinforma lill-ġenituri tat- Drawwa li għada ħajja f’dawn iż-żminijiet hija li l-għarus ma jistax jara l-għarusa liebsa l-libsa tat-tieġ qabel iċ-ċerimonja għaliex dan iġib risq ħażin. L-istess għarusa ma kellhiex tħares lejn il-mera meta tilbes il-libsa u dawk it-tfajliet li kienu jafu jħitu ma kienu jagħmlu huma l-libsa tat-tieġ għax dan ukoll dan kien ta’ risq ħażin. Is-sodda taż-żwieġ kellha tiġi mifruxa l-ewwel darba minn omm l-għarusa u l-għamara riedet tidħol fid-dar wara li jsir iż-żwieġ. Meta koppja tiżżewweġ ma’ setgħux jibdew jgħixu flimkien qabel tmint ijiem. Wara dawn it-tmint ijiem issir iċ-ċermimonja msejħa l-Ħarġa fejn wara ikla għand omm l-għarusa fejn kienet għadha tgħix u oħra għand id-dar ta’ l-għarus il-koppja jistgħu jibdew imorru jgħixu flimkien u jibdew il-ħajja miżżewġa. mewt: It-tqegħid tal-fjurni fuq it-tebut u l-qabar illum hija drawwa komuni biex nuru r-rispett u l-imħabba għall-persuna li mietet. Fl-imgħoddi it-tqegħid tal-fjuri ma kienx ġej minn xi sens ta’ rispett iżda għaliex kienu jibżgħu li jekk ma jkunx hemm fjuri fuq it-tebut u l-qabar il-mejjet kien jerġa’ jiġi lura bħala ħares. Fil-fatt ħafna mid-drawwiet u ċerimonji li għandhom x’jaqsmu mal-mewt kienu jiġu mill-biża' li n-nies kellhom minn dan il-fenomenu. Kif diġa semmejna aktar 'il fuq meta jmut xi ħadd il-qraba tiegħu kienu jikru nisa u jew xi foqra li għal ħlas żgħir kienu jilbsu l-iswed minn rashom sa saqajhom u jibdew jibku ħdejn it-tebut u waqt il-funeral. Dawn kienu jissejħu n-Newwieħa u kull familja li kien ikollha xi mewt kienet mistennija li tikri dawn in-newwieħa biex turi n-niket tagħha. Jekk il-mejjet kellu xi żwiemel, baqar jew mogħoż kienu jaqtgħulhom biċċa minn denbhom bħala sinjal tal-Luttu. Kienu wkoll jarmu l-qsari mill-galleriji u t-twieqi kif ukoll ikissru l-affarijiet li kienu tiegħu personali bħall-ħwejjeġ u għodda. Dan kienu jagħmluh biex żgur li ma jerġax jiġi lura. Kienu wkoll jgħattu l-mirja tad-dar fejn kien hemm il-mejjet għax kienu jibżgħu li jekk ir-ruħ tal-mejjet tiġi riflessa fil-mera din setgħet tieħu magħha lil dawk li kien hemm fid-dar. Bħala sinjal ta’ luttu l-familjari tal-mejjet kienu jagħlqu d-dar u ma joħorġux minnha la għax-xogħol u wisq anqas biex jiltaqgħu man-nies. Fl-imgħoddi n-nisa kien joqogħdu ġewwa erbgħin ġurnata u l-irġiel sebat ijiem. Matul dan il-perjodu kienu jneħħu l-pumi minn fuq il-bibien, ma kinux isajru għal tlitt ijiem u l-irġiel ma kinux iqaxxru l-leħja għal perjodu ta' ħmistax-il ġurnata u xahar. Kien hemm id-drawwa li l-familjari tal-mejjet kienu jqassmu ikel lill-fqar. Sa ftit tas-snin ilu kienu jsajru ħanżir ġo galdarun kbir u miegħu jsajru minestra u jagħtu dan l-ikel lill-fqar. Kien hemm ukoll l-hekk imsejħa Ħanżira ta’ l-Erwieħ din il-ħanżira kienu jħalluha tiġri mar-raħal fejn kulħadd kien jitmagħha u jħalliha tiekol li trid biex fi-2 ta’ Novembru fil-festa tal-Qaddisien Kollha (il-festa tal-mejtin) kienu jsajruha u jqassmuha lill-fqar tar-raħal. Drawwa bħalha kienet li erba’ xhur qabel il-festa tal-Qaddisin Kollha il-Kappillan kien jingħata qażquż u nies tar-raħal kienu jiitimgħuh u meta jismen kien jinbiegħu u l-flus mill-bejgħ tiegħu kienu jsiru quddies għall-erwieħ. Interessanti wieħed jinnota li l-mewt tat-trabi u tfal min kinitx meqjusa b’niket iżda b’ferħ għaliex kienu jaħsbu li dawn kienu jmorru dritt il-ġenna u jsiru anġli u jitolbu għal grabathom. F’dan is-sens il-karru tal-mejtin tat-tfal kien ikun abjad u mhux iswed. U kienu jdoqqu l-Glorja bħala sinjal ta’ ferħ. Dan f’kas ta’ mewt ta’ tfal li jkunu mgħammda għaliex meta jmutu tfal mhux mgħammda din kienet tkun diżgrazzja kbira tant li l-omm kienet taħbi l-mewt u lanqas kien isir funeral għax l-omm kienet taħbi t-tarbija taħt l-għonnella u tmur titfen it-tarbija fil-parti taċ-ċimiterju mhux konsagrata imsejħa l-miżbla li kien il-parti taċ-ċimiterju fejn jindifnu dawk li jmutu fid-dnub jew mhux mgħammda. |
© Franck Testa
mużika oriġinali Tony Pace