assessment
Rapport b'Format Ġdid
Format Ġdid lir-Rapport Li Jikkummenta Dwar L-Andament Skolastiku Ta' L-Istudenti Tagħna
Mis-sena 2004-2005 ġie introdott fuljett ġdid fejn nirrapportaw l-andament edukattiv ta' l-istudenti tagħna ta' l-ewwel sena. Din is-sistema se tiġi estiża wkoll fit-Ticking Sheets għal studenti li jattendu mit-tieni sal-ħames klassi. (It-Ticking Sheet hija r-rapport li jkollu l-Form Teacher fuq kull student li naraw fil-Parents' Day, u li fuqu l-għalliema jindikaw il-progress ta' l-istudent.)
Ħassejna li nagħmlu dan il-pass għal diversi raġunijiet. Ir-rapport li konna nibagħtu sas-sena l-oħra ma kienx jagħti stampa ċara ta' l-andament skolastiku ta' l-istudenti u l-għalliem ma kellux spazju biżżejjed biex iniżżel xi kummenti validi dwar l-istudent. Għalhekk ħassejna li r-Rapport kellu jkun aktar speċifiku u jinkludi metodi li jirriflettu l-andament edukattiv ta' l-istudent, flimkien ma' kummenti mill-għalliema li jittrattaw il-livell ta' maturita edukattiva milħuq.
Dan it-tip ta' assessjar huwa magħruf bħala formattiv għax jirrifletti l-formazzjoni tal-karattru ta' l-istudent, kuntrarjament għal l-assessjar summattiv li jirrifletti l-andament purament akkademiku bbażat fuq ir-riżultati ta' eżamijiet u testijiet. XI JFISSRU L-A,B,C,D.
Il-marki A, B, C, D li jingħataw għall-INTERESS, IMĠIBA, HOMEWORK u l-ISFORZ li jagħmel l-istudent, m'għandhomx jitqiesu bħall-gradi li wieħed jingħata fir-riżultat ta' xi eżami, izda kull waħda minnhom għandha tifsira speċifika, skond għal liema qasam tirreferi, ngħidu aħna, hux l-INTERESS jew il-HW, eċċ. Għalhekk, wieħed irid iħares sewwa lejn l-ispjega ta' dawn il-marki li hemm fuq paġna 6 u 7 tar-rapport, jekk wieħed irid ikollu stampa verament ċara ta' l-iżvilupp edukattiv ta' l-istudent.
Il-kummenti ta l-għalliema fuq ir-rapport ġdid jagħtu idea aktar ċara tal-bżonnijiet li għandu l-istudent biex jitjieb, ħaġa li mhux possibbli li tingħata permezz ta' gradi. L-għalliem ukoll jiggwadanja minn dan għax ikollu l-opportunita li jirrifletti fuq l-andament ta' kull student u jifhem aħjar id-djufijiet u l-qawwiet ta' l-individwu.
L-għalliem għandu diversi sorsi minn fejn jakkwista informazjoni dwar l-assessjar formattiv ta' l-istudent. Nemmnu Ii għandha tingħata veduta pożittiva tal-ħiliet ta' l-student permezz ta l-użu ta' frażijiet bħal jipprova ħafna, jagħmel sforz, għandu livell aċċettabbli u jinħtieġ għajnuna, għandu bżonn, irid jagħmel sforz li lkoll jindikaw in-nuqqasijiet li għandu. Kummenti negattivi m'għandhomx jintużaw. Minbarra l-klassi u l-isem, ir-rapport għandu wkoll ritratt ta' l-istudent.
X'nistennew Li Nsiru Nafu Dwar L-Istudent, Wara Kollox?
Diffikulta kbira hija l-fatt li l-ġenituri u l-għalliema għandhom aspettazzjonijiet u miri differenti minn xulxin. ll-ġenituri jixtiequ jiġu infurmati jekk il-kwalita tax-xogħol li jipproduċi binhom jikkomparax tajjeb ma' ta' sħabu, mal-medja tal-klassi u tal-form tiegħu, u jekk hux qed jagħmel progress. L-għalliema jixtiequ jkejlu s-suċċess ta' kull student, jiddentifikaw d-difetti u l-qawwiet tiegħu u jikkummentaw dwar il-progress (jew nuqqas tiegħu) li qed jagħmel biex jilħaq l-għanijiet tiegħu.
