1909:  Dun Karm ġarrab il-mewt ta’ l-għażiża ommu, Lunzjata Pisani, li tant kien iħobb. Hi kellha 78 sena u kienet mara tal-familja li rabbiet lil uliedha fi spirtu nisrani.
 

1910:  L-awtoritajiet tal-Knisja ta’ dak iż-żmien ġabu minn Ruma lill-Kardinal La Fontaine biex jgħarbel is-sitwazzjoni tal-knisja lokali. Il-Kardinal ma ħax pjaċir li l-professuri li kienu jgħallmu fis-Seminarju kellhom il-kamra personali tagħhom li fiha kienu jgħixu u jorqdu, għalhekk Dun Karm, flimkien ma’ sħabu kollha, ma setax joqgħod iżjed f’dawn il-kmamar. F’dan iż-żmien il-poeta għadda minn solitudni kbira, imbiegħed mir-raħal, minn ħutu u minn sħabu, meta spiċċa “midfun ħaj” f’dar numru 51, Triq l-Ifran, il-Belt, fejn għex għal 26 sena sħaħ.
   

11 ta’ Jannar 1912:  Wara xi laqgħat ma’ Mons. Pawl Galea u Ġużè Muscat Azzopardi li qasmu ma’ Dun Karm il-ħsieb tagħhom li joħorġu perjodiku bil-Malti li kienu se jsemmuh 'Il-Ħabib', Dun Karm ħareġ l-ewwel poeżija bil-Malti. Kif jikteb hu stess hu nxteħet għarkubbtejh quddiem xbiha tal-Madonna li kellu f’kamartu fid-dar tal-Belt, u talab b’dan l-istess kliem: “Għażiża ommi, għidli inti x’għandi nikteb; jiena nixtieq nibda b’poeżija miktuba għalik.” U b’hekk ħarġet poeżija mill-isbaħ li ġġib l-isem ta’ Quddiem Xbiha tal-Madonna.

Settembru 1912:  Dun Karm siefer għat-tielet darba, din id-darba biex jieħu sehem fil-Kungress Ewkaristiku fil-belt ta’ Vjenna, fl-Awstrija.

   
April 1913:  Fl-okkażjoni tal-Kungress Ewkaristiku li sar f’pajjiżna, Dun Karm ġie mitlub mis-Surmast Ġużeppi Caruana biex jikteb innu għall-okkażjoni. Dan kellu jkun l-innu familjari li għadu jitkanta sal-lum fil-knejjes tagħna T’Adoriam Ostia Divina jew Nadurawk, ja Ħobż tas-Sema. L-innu tant intgħoġob mill-isqfijiet preżenti għall-Kungress li ħaduh magħhom u xerrduh mad-dinja kollha, tant li llum dan l-innu huwa maqlub f’diversi lingwi. Inqaleb għall-Malti mill-istess poeta fl-1924.
 
Mejju 1914:  Dehret l-ewwel ġabra ta’ ħmistax-il poeżija bil-Malti ta’ Dun Karm bl-isem ta’ “L’euuel uard jew ġemgħa tal poeżijiet li ctibt bil Malti fis-Sensiela tal-Mogħdija taż-Żmien (għadd 140) li kien jippubblika Alfons Marija Galea bejn l-1899 u l-1915 u li kienet tilħaq madwar it-tlett elef qarrej. Alfons Marija Galea kien benefattur kbir tal-poeta, speċjalment meta l-qagħda finanzjarja tiegħu kienet batuta ħafna.
   

1915: Frott is-solitudni li ġarrab fid-dar tal-Belt, Dun Karm kiteb il-poeżiji Lill-Kanarin Tiegħi, Il-Vjatku u Żjara lil Ġesù.
   

 
1919:  F’ittra li Dun Karm bagħat lill-Arċisqof, huwa talbu l-permess biex ma jibqax jgħallem u jagħtih il-pensjoni, liema talba ma kinetx milqugħa.

Settembru 1920:  ħareġ ġabra ta’ 25 poeżija oħra, biex juri l-fatt li l-ilsien Malti meta jkun imħaddem tajjeb, iħabbatha ma’ ilsna oħra magħrufa. Dan il-ktieb ġie msemmi “Uard ihor jew gabra ohra ta poezijiet bil Malti” u kien iddedikat lil ommu.

1920/1:  Wara diversi laqgħat u kitbiet imqanqla f’'Il-Ħabib' favur il-ħtieġa li l-Malti jiġi apprezzat u miktub b’ortografija waħda, twaqqfet l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti. Ġużè Muscat Azzopardi nħatar l-ewwel President tal-Għaqda u F.S. Caruana bħala s-Segreatarju, u ntgħażlet kummissjoni ta’ ħamsa min-nies, fosthom Dun Karm, liema kummissjoni kellha toħroġ bil-miktub il-fehma tagħha dwar l-alfabett u l-ortografija tal-Malti. Dun Karm intgħażel ukoll bħala membru tal-kumitat. Fis-sena 1921, il-poeta kiteb poeżija biex ifakkar l-għoti tal-Kostituzzjoni, li semmieha Lil ħuti Maltin u li xxandret fl-1939 minħabba l-biża’ tal-poeta li jiċċappas mal-preġudizzji politiċi ta’ dak iż-żmien.
 
 

    31 ta’ Mejju 1921:  Beda jaħdem bħala Assistent Biblijotekarju fil-Biblijoteka Nazzjonali tal-Belt.
 
1922/1923: fuq kompożizzjoni tas-Surmast Robert Sammut u fuq l-istedina tad-direttur ta’ l-iskejjel elementari tal-Gvern Dr. A.V. Laferla, Dun Karm kiteb l-Innu Nazzjonali Malti li mhu xejn ħlief talba lil Alla msejsa fuq sitt versi ta’ ħdax-il sillaba (endekasillabu). Instema’ l-ewwel darba fit-3 ta’ Frar 1923 waqt kunċert mużiko-letterarju organizzat mill-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti fit-teatru Manoel. Iktar ’il quddiem, l-istess innu kien strumentat għall-banda u l-ewwel banda li daqqitu kienet il-King’s Own fil-Jum Nazzjonali ta’ l-1936. Fi Frar ta’ l-1941 l-Innu Malti ġie ddikjarat uffiċjalment bħala l-Innu Nazzjonali.
   

1923:  Dun Karm sar Direttur tal-Libreriji Ċirkolanti u nħatar ukoll eżaminatur tat-Taljan tal-Matrikola u ta’ eżamijiet oħra.

1927:  Minħabba l-mewt ta’ Ġużè Muscat Azzopardi, li ġrat fl-4 t’Awissu 1927, li kien l-ewwel president ta’ l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, Dun Karm inħatar il-president ta’ l-istess għaqda u d-direttur tar-rivista ‘Il-Malti’.  Minn din is-sena stess l-Għaqda bdiet tissejjaħ ‘L-Akkademja tal-Malti.’

1930:  Il-poeżija popolari ta’ Dun Karm Il-Għanja tar-Rebħa ġiet maqluba għall-Franċiż.

1930:  Biex jesponi iktar il-qawwa ta’ l-ilsien Malti, qaleb l-opra ta’ Ugo Foscolo I Sepolcri għall-Malti. Din lestieha sentejn wara, fl-1932, u ppubblikaha fl-1936.

1932:  mill-poeżija Otia Aestiva nindunaw li fis-sajf Dun Karm kien iqatta’ xi ġranet f’San Pawl il-Baħar. Infatti fl-ewwel strofa tal-poeżija msemmija nsibu deskrizzjoni tad-dar fejn kien joqgħod: “żewġ kmamar imdawlin, bitħa xemxija, Loġġa quddiem il-bieb, nitfa ta’ kċina.” Fis-snin ta’ wara kien qatta’ xi ġranet ukoll f’dar f’San Ġiljan. Ir-raġunijiet li biddel id-dar minn San Pawl għal San Ġiljan kienu prinċipalment dawn li ġejjin: il-mewt ħesrem ta’ tifla ta’ 10 xhur, Marija Galea Suchet, li kienet toqgħod ħdejh (ara l-poeżija Lil Marija). Raġuni oħra kienet minħabba għajdut mhux xieraq li nqala’ fuq Dun Karm nnifsu peress li kien qassis ċelibi u li kien joqgħod man-neputija tiegħu, Ġannina Pisani. Raġuni oħra kienet minħabba d-diffikultà tat-trasport minħabba li sa l-1936 kien għadu jrid jitla’ sal-Belt kuljum minħabba xogħlu.

     
1934:  Dun Karm ippubblika tagħrif dwar il-ballata Katrin ta’ l-Imdina ta’ Dwardu Cachia (1858-1907). Sena wara, fl-1935, huwa qaleb ukoll għall-Malti r-rumanz Gli angeli del Perdono ta’ Domenico Caprile għall-Malti bl-isem ta’ Ineż u Emilja.
 
3 ta’ Lulju 1936:  Ixxandar avviż fil-gazzetta tal-Gvern li se joħroġ dizzjunarju tal-Malti f’taqsimiet li kellhom joħorġu f’faxxikli ta’ sittax-il paġna fix-xahar. Dan ix-xogħol ħarġu Dun Karm innifsu bil-għajnuna ta’ studjużi oħra fosthom F.S. Caruana, Ninu Cremona, Pietru Pawl Saydon, Ġużè Aquilina u oħrajn.

1936:  Dun Karm mill-Belt mar joqgħod f’dar li kienet għadha kif inbniet f’tas-Sliema. Għall-ewwel kienet tieħu ħsiebu n-neputija tiegħu Ġannina Pisani, iżda ġara li din mietet fl-għomor ta’ 38 sena, fil-15 ta’ Frar 1937. L-eleġija ddedikata lin-neputija, Lil Ġannina Pisani, tixhed kemm Dun Karm ħass it-telfa tagħha.
 
 

 
Daħla
  1871-1903
 1909-1936
  1938-1956
   1957-1961
      Ritratti
Poeżiji
     Ħajr
 

Produzzjoni: Skola Sekondarja Dun Karm Psaila, Ħaż-Żebbuġ
Disinn: m7alpha Design Studios