QUDDIEM
XBIHA TAL-MADONNA (1912)
Hekk kont sabiħa meta rajtek darba
F’ħolma, fil-hena taż-żgħurija
tiegħi;
Kont rieqed waħdi f’sodda ċkejkna,
mwarrba,
U Int mis-sema nżilt u qgħadt ftti
miegħi.
Sbiħ il-jum, għejb ix-xemx,
flimkien imxierka,
M’għandhomx lewn ħelu bħal wardiet
ħaddejk;
Tisboq kull dija tas-smewwiet, o Mbierka,
Il-leħħa rżina minn ta’ ħbub
għajnejk.
Warda li tbexxaq fiż-żernieq
ta’ Mejju
Tixbaħ id-daħka ta’ xofftejk, ħanina,
Fil-ħin li miegħek tħaddan, tfajjel
ħlejju,
Il-kbir Feddej, li bata u miet għalina.
Għajnejh miksura f’nagħsa
ħiemda, iserraħ
Ġesù fuq sidrek ir-ras tiegħu żgħira,
Minn qalbu għal qalbek ġid is-sema
jferraħ...
Ma’ dwarek l-anġli b’qima jħarsu b’għira.
Imbierka l-id illi pinġietek!
Dija
Serqet lill-kwiekeb, ġmiel lill-ward tal-ġonna,
U bih libbsitek, o b’kull ħajr mimlija,
Sultana tas-smewwiet, ħelwa Madonna.
Hekk kont sabiħa, jien niftakar
sewwa,
Meta fil-ħolma ta’ żgħuriti lmaħtek;
T’għajnejk, ta’ fommok kienet din il-ħlewwa;
U jien fi mħabbti bl-isem t’omm sejjaħtlek.
|

|
|
INNU EWKARISTIKU
(NADURAWK, JA ĦOBŻ TAS-SEMA) (1913)
Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin;
Għalik l-anġli dlonk titniehed,
Inti l-hena tal-bnedmin.
Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin.
Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin;
Inti l-ħlewwa tal-qawwija,
Inti s-saħħa tal-fqajrin.
Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin.
Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin;
Inti l-qawma ta’ min raqad,
Inti l-għaxqa tal-ħajjin.
Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin.
Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin;
Jalla d-dinja tagħraf tħobbok,
Fik il-qlub huma henjin.
Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin.
Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin,
Insellmulek, Alla moħbi,
Inti biss taħkem is-snin.
Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin.
|
LILL-KANARIN
TIEGĦI (1915)
X’kien li laqqgħana f’din id-dar hekk ħiemda
Inti forsi ma tafx, għasfur lelluxi;
U anqa taf il-għaliex, meta jien noħroġ
Għax-xogħ’l fil-għodu, il-bieb niġbed
warajja
U bil-moftieħ insakkru, u l-beda mixi
U l-ebda nifs ma tisma’, qabel narġa’
Indawwar il-moftieħ u nidħol jiena.
Aħjar għalik ma tafx; hekk ebda sehem
F’għommti ma tieħu, u bejn il-jiem u
l-iljieli
Tgħaddi bla niket xejn il-ħajja tiegħek.
Kif jibda jroxx id-dawl narak tistenbaħ,
Għasfur lewn il-lellux, u ċ-ċkejkna
rasek
Toħroġ minn taħt il-ġwienaħ
fejn tkebbibha
Awl il-lejl, meta x-xemx tinżel u int tiskot
U titħejja biex torqod; dlonk tmedd riġlek
Fuq il-qasba ħdejn l-ieħor u titfarfar,
Tinżel tnaqqar xi qanba u fis il-ħlewwa
Ta’ leħnek tibda ddoqq ġewwa widnejja
Li kulma tmur titqawwa. Iżżiġġ
u taqbeż
Bejn għanja u oħra u mal-ħadid li
jagħalqek
Taqbad bir-rqaq difrejk, u terħi u tarġa’
Għal fuq qasba bla ma tehda ; u l-ħeffa
Ta’ riġlejk u ġwenħajk, il-ħarsa,
il-għanja
Juru li kulma fik hu hena u saħħa.
Bi ħlewwa li ma bħalha tħares
lejja
Meta nersaq niex nagħalfek. Int tagħrafni,
Nifhmu wisq tajjeb; u għalhekk taħmilni,
Bla ma titnaffar xejn, niftaħ il-bieba
Tal-qafas tiegħek u l-kejliet inneħħi
Ta’ l-ikel u tax-xorb biex nimlihomlok ;
U b’għajta sħiħa, donnok trid tiżżini
Xi ħajr talli ħsibt fik, tarġa’
tilqagħni
Meta nagħlaq il-bieba u nerġa’ ndendlek
F’dik in-naħa tad-dar fejn bard ma jaħqrek
U ftit tax-xemx iżżurek. Għalxejn
nersaq
Xi drabi ħiemed fuq subgħajn riġlejja
Biex naqbdek rieqed jew għażżien ;
minn tlugħek,
Ja xemx, sa nżulek, l-ebda serħ u l-ebda
Għeja ma tagħmel bik. Xi
ġmiel ta’ ħajja,
Tgħix bla ma taħseb x’ikun għada
u liema
Għilt u ġlied qed isir barra minn darek!
Iżda ma ngħirx għalik,
għasfur lelluxi,
Għalkemm ħajtek togħġobni.
Iżjed fil-għoli
Mill-ħajja ta’ din l-art it-tama tiegħi.
Naf illi bosta drabi l-ħobż li niekol
Huwa mxarrab bid-dmugħ, u flok il-kelma,
Xi darba bla ma rrid, toħroġ tnehida,
Għaliex fejn żrajt il-ward kiber bil-kotra
Xewk u għolliq, u min bi mħabbtu safja
Sata’ jsabbarni, intemm qabli ġo qabar;
Imma naf illi d-dmugħ miżrugħ fid-dinja
Irodd ferħ fis-smewwiet, u wara dina
Il-ħolma li ngħidulha ħajja, tiġi
Il-qawma mill-imwiet fid-dawl ta’ dejjem.
Hekk ngħixu mela t-tnejn, għasfur
lelluxi :
Int hieni bik innifsek u bi mħabbti;
Jien bit-tama li f’qalbi Alla nissilli.
|
IL-VJATKU (1915)
Kollox dlam ċappa, żiffa kiesħa tvenven
Ġox-xquq tat-twieqi u fuq il-ħġieġ imsakkar,
Ix-xita rqiqa, bla ma tehda, ittektek,
U mill-imwieżeb
L-ilma jċarċar fit-toroq. Fuq iż-żlieġa
Ta’ l-art imxarrba ’l hawn u ’l hinn tinkiser
Id-dija ħamra tal-fanali, u donnha
Għar-rqad
tistiednek.
Kemm tmedd il-ħarsa ħadd ma jidher barra; Xi
waqt jinstama’ mixi mgħaġġel; tgħaddi
Xbiha sewda fit-triq u tgħib; xi roti
Fil-bogħod
igergru.
Fil-ħin nisma’ kemm kemm leħen qanpiena;
― Drajtu biżżejjed dak il-leħen
― jersaq
U kulma jmur jitqawwa. F’daqqa waħda
Nilmaħ
jitħarrku
Xi dwal, tnejn tnejn … Resqin … man-naħa l-waħda
U ma’ l-oħra tat-triq jitqassmu; iħeffu,
Quddiem, it-tfal fin-nofs tmewweġ tħammar
Bandiera
ċkejkna.
Qegħdin joqorbu sew … beda jinstama’
Il-leħen tal-qassis u tan-nies l-oħra; jidhru
Id-dawl fit-twieqi, wara l-ħġieġ, u f’nofshom
Nies
għarkobbtejhom.
Għaddej Ġesù … bil-lejl, fir-riħ, fix-xita!
Kollu ħniena u mogħdrija, kollu mħabba,
Sejjer iqawwi l-qalb u r-ruħ ta’ msejken
Fl-aħħar
taqbida.
Nistħajjel miegħu għaddejjin, moħbija
Għall-għajnejn tal-bnedmin, anġli bil-qtajja’
U Lilu jfaħħru li f’daqsxejn ħobż abjad
Il-kobor
tiegħu
Għalaq u ħeba, u b’għira mqaddsa jżiġġu
Għall-hena ta’ min bih jixba’ u jitwettaq.
Għadda Ġesù … warajh baqgħet bħal fwieħa
Ħelwa
tal-ġenna.
Oh tagħlim il-Feddej! Oh Emmna mqaddsa!
Kemm intom sbieħ! Kemm fikom għerf tas-sema!
Oh Tjieba ta’ bla tarf, int biss stajt tagħmel
Dal-ġenn
ta’ mħabba!
Deh, meta l-jiem ta’ din il-ħajja għalija
Ikunu waslu biex jintemmu, u mdejjaq
Taħt il-ħakma tal-mewt, kollu nistħajlu
Ħolma
l-imgħoddi,
Ikun bil-lejl, ikun bin-nhar, fix-xitwa
Jew fil-qilla tas-sajf, hekk, ja Mulejja,
Ejja żurni, bit-tfal tnejn tnejn, bil-leħen
Li
jitlob ħniena.
L-aħħar Ħabib, ejja
ġo sidri, u qiegħed
Qalbek fuq qalbi u minn kull dnub saffiha.
Miegħek mgħannaq, Ġesù, naqbad bla
nibża’
It-triq
ta’ dejjem.
|
1921 – LIL ĦUTI MALTIN
Nhar l-Għoti tal-Kostituzzjoni
Qum mill-ħedla li ’l qalbek mewtitlek,
Ġens ta’ ħila, ta’ għaqal, ta’ ġieħ;
Poplu Malti, ix-xemx telgħet, sejħitlek;
Aqbad triqtek lejn xefaq sabiħ.
Ma tħosshiex ġewwa sidrek il-mewġa
Ta’ demm ġdid li f’saħħitha ssaffik?
Ma tħosshiex tilgħab f’wiċċek il-fewġa
Tal-ħelsien li ħajja oħra tagħtik?
Dan hu l-jum u din is-siegħa;
Issir l-għaqda, isir il-patt;
’Kk ma taqbdux fil-ħarba tiegħu,
Dan iż-żmien ma jerġa’ qatt.
Kisser
l-għodda ta’ l-għira ġellieda,
Iftaħ qalbek għall-kelma tas-sliem;
Għalenija, m’hemmx ifrem mir-rieda,
Iżda mqassma, tintilef fil-kliem.
Għandek mera fil-ljuni qalbiena
Illi tqabdu mal-Mislem magħdub;
Kienu ftit, u kien għadu bla ħniena,
Iżda rebħu bil-għaqda tal-qlub.
Dan hu l-jum u din is-siegħa...
|
LIL
ĠANNINA PISANI – I / II (1936)
Hemm issa qiegħda taħt it-trab sewdieni
ta’ qabar kiesaħ u mudlam; mitfija
ħarstek is-sbejħa, xhieda ferreħija
ta’ qalb nadifa ġewwa sider hieni.
Għalxejn fuq rasek minn filgħodu kmieni
tgħanni l-bufula ġoċ-ċipress moħbija,
għalxejn ir-rużinjol b’nota mbikkija
jikser is-skiet tal-lejl għannej waħdieni.
Xejn iżjed ma jifdik min-nagħsa tqila,
la xemx, la siġar, la għanjiet ta’ ħlewwa,
anqas niket u dmugħ fis-sahra twila;
iżda fuq qabrek tiddi tama sbejħa;
int emmint u ħabbejt fil-ħaqq u s-sewwa
u għad ta’ Min ħabbejt tqajmek is-sejħa.
Ġannina, l-qabar mhux għal
dejjem: sħiħa
qiegħda ġo sidri din it-tama kbira;
għad terġa’ tixgħel ħarstek
is-sabiħa,
tarġa’ tal-hena tħeġ’ġek
it-tferfira.
Il-ġebla li tgħattik għalxejn
tkun xħiħa,
għax il-wegħda ta’ Kristu m’hix qasira:
“Jekk miegħi tħaddan is-salib, ħafifa
tkunlek il-qawma u ruħek ma tkunx fqira.”
Għad nerġgħu bħal
ma konna ġewwa darna,
henjin f’Dar il-Missier li jħobb ’l uliedu,
mal-Ħbieb li fit-tiġrib kienu madwarna ;
u qatt iżjed ma tgħib tal-ħajja
d-dija
fejn ġid u ferħ la jonqsu u la jiżdiedu,
Ħajja bħal baħar kbir dejjem mimlija.
|
LILL-KANARIN
(1938)
Għasfur lelluxi, merħba bik. Fis-sikta
tad-dar fejn waħdi qiegħed ngħaddi żmieni,
int tkun il-wens għal din il-qalb imnikkta
fil-hemm illi, jaħasra! wasal kmieni.
Fil-għanja tiegħek safja,
imżewqa, sħiħa,
li tidwi mal-ħitan tal-kamra tiegħi,
nistħajjel nisma’ n-nifs ta’ ruħ sabiħa
li ttir madwari u titkellem miegħi.
Għax int ma tafx, ħlejqa
ferrieħa, liema
tjieba wasslitek f’din id-dar kennija,
anqas taf ix-xewqat ta’ ġid u sliema
li ġibtli miegħek. Jiena naf:
għalija
int messaġġier ta’ ħsieb
li jifhem sewwa,
ta’ qalb imwieżna fit-taħbita tagħha,
li qatt ma tibki barra u tidħak ġewwa,
u lil għajrha tixtieq l-hena tas-saħħa.
|
LILL-MADONNA
TAL-KARMNU (1954)
F’egħluq il-mitt sena
li ilek fi ħdanna,
fil-fidi twettaqna,
fil-hemm tieqaf magħna,
Madonna tal-Karmnu,
għajn safja ta’ mħabba,
li dejjem ma’ dwarek
il-ġilju jitrabba,
Nixtiequ minn qalbna,
li tibqa’ thennina;
li Inti għal dejjem
tkun tagħna ir-reġina. |
 |